Dalgħodu kulħadd kien qed jistenna b’anzjetà l-ftuħ tas-swieq Ewropej hekk kif l-ishma f’dawk Ażjatiċi kienu diġà rreġistraw telf sinifikanti.
Filfatt waqt l-innegozjar kmieni filgħodu kien hemm tnaqqis fl-ishma Ewropej bl-indiċi Dax fil-Ġermanja jaqa’ bi kważi 10% qabel ma rkupra ftit, filwaqt li FTSE 100 f’Londra irreġistra tnaqqis ta’ kważi 6%.
L-indiċi Hang Seng f’Hong Kong għalaq bi tnaqqis ta’ 13.22% b’dak tat-Taiwan irreġistra tnaqqis ta’ 9.7%.
Aktar kmieni, US Futures ukoll kienu qed juru tnaqqis, indikazzjoni ċara li hekk kif jiftaħ in-negozjar fil-borża Amerikana dawn l-ishma f’Wall Street ukoll kienu se jaqgħu.
Dan it-tnaqqis, li jkompli wara dak tal-ġimgħa l-oħra huwa riżultat tal-impożizzjoni ta’ Trump ta’ tariffi fuq prodotti mid-dinja kollha li huma importati fl-Istati Uniti.
Iżda minkejja dawn ir-riżultati negattivi, Trump kompla jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fejn waqt li kien qed jieħu mistoqsijiet mill-ġurnalisti fuq Air Force One, huwa qallhom li “kultant trid tieħu l-mediċina biex issewwi xi ħaġa”.