Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Konservattiv fir-Renju Unit, Kemi Badenoch, iddikjarat li l-Gvern Ingliż għandu jonfoq aktar flus fuq id-difiża tiegħu, jiġifieri fl-armi, milli fuq il-benesseri taċ-ċittadini Ingliżi. Dan ikompli anke jikkonferma x’qed jiġri f’pajjiżi differenti fejn flok il-flus qed jinvestuhom fin-nies, il-pensjonijiet, il-ħaddiema u negozji, qed jagħżlu jinvestuhom fid-difiża tagħhom.
Fil-fatt il-Gvern Ingliż ta’ Sir Keir Starmer qed jiffaċċja kritika kbira u anki fost il-partit tiegħu fil-Gvern hekk kif irid ukoll inaqqas in-nefqa soċjali fosthom fuq benefiċċji tad-diżabilità. Starmer qal li din hi għażla diffiċli li r-Renju Unit se jkollu jieħu biex ilaħħaq mal-ispiża u se jkollu jnaqqas in-nefqa soċjali. Il-kritika fil-Gvern hi waħda kbira iżda hu qal li hemm bżonn tnaqqis fin-nefqa soċjali biex ikabbar l-ekonomija u jlaħħaq mal-ispiża li qal li jrid jagħmel fid-difiża.