Wara l-attakk minn Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, permezz ta’ artiklu f’gazzetta tal-Ħadd, ONE News jinsab informat li ħu Beppe, Michael Fenech Adami, fl-istess ġurnata stess beda jiċċirkola u jippromwovi l-artiklu lil numru ta’ tesserati Nazzjonalisti permezz ta’ WhatsApp.
L-attakk fuq Borg minn Cassar, magħruf li hu ħaġa waħda ma’ Karol Aquilina, Jason Azzopardi u l-bqija tal-fergħa estremista Nazzjonalista, flimkien mal-kontro-attakk mill-Kelliem Ewlieni għal Għawdex fuq l-istess Cassar, ħoloq kriżi ġdida fil-Partit fi ftit ħin.
Il-Ħadd filgħaxija stess ħareġ għonqu għal Alex Borg id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio u ftit wara għamel l-istess Adrian Delia. Kemm Giglio kif ukoll Delia, kemm-il darba, kienu fil-mira ta’ attakki mill-istess Kevin Cassar.
Issa ONE News jista’ jiżvela kif ta’ Fenech Adami nxteħtu b’ruħhom u ġisimhom wara l-kandidat ġdid Nazzjonalista Għawdxi Beppe Galea, rivali ta’ Alex Borg fuq it-Tlettax-il Distrett. Dan kif anke jixhdu posts fuq Facebook li xerred fl-aħħar żmien l-istess Fenech Adami.
Galea hu viċin ħafna tal-familja ta’ Bernard Grech u kemm Grech kif ukoll il-Kap de facto Karol Aquilina u issa anke ta’ Fenech Adami qed jimbottaw b’saħħa l-kandidatura tiegħu bit-tama li jħarbtu għal kollox lil Borg fuq Għawdex.
Hu fatt magħruf li Beppe Galea jaħdem ukoll fl-uffiċċju ta’ David Casa, wieħed mill-perċimes tal-fazzjoni estremista, li qed tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru. F’dan l-uffiċċju jaħdem ukoll Michael Fenech Adami.
Sorsi qalu lil ONE News li l-artiklu ta’ Kevin Cassar fuq Alex Borg kien orkestrat mill-fazzjoni estremista u dan wara li, l-Erbgħa li għadda, l-istess Borg m’attendiex is-seduta Parlamentari meta ttieħed il-vot fuq il-mozzjoni tal-Gvern dwar Karol Aquilina u wisq inqas attenda għall-protesta bil-borom u s-sfafar minn Repubblika minħabba li kien “vaganza”, kif ikkonferma mal-mikrofonu ta’ ONE News Bernard Grech innifsu dakinhar.
ĠURNALIST: “Dr Grech, għandi mistoqsija, jekk ma jimpurtax. Dr Grech, għandi mistoqsija, jekk ma jimpurtax. Dr Grech, għaliex Alex Borg ma vvotax magħkom illum?”
BERNARD GRECH: “Alex Borg imsiefer.”
ĠURNALIST: “Jaqbel miegħek?”
BERNARD GRECH: “Weġibtek. Alex Borg imsiefer… Issa l-importanti li tkun onest u ssemmi dak li għedtlek.”