Martina Zammit hi wiċċ rinomat f’pajjiżna, preżentatriċi u anke influencer, li flimkien mal-mara tagħha Emma, għamlet it-trattament tal-IVF biex saret omm iċ-ċkejkna Bea.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, hi ddeskriviet il-proċess tat-trattament tal-IVF bħala sfida fiżika u emozzjonali, hekk kif trid tibbilanċja bejn ix-xogħol u l-istess trattament, b’testijiet, scans u mediċina.
Kien għalhekk li laqgħet b’mod pożittiv l-introduzzjoni mill-Gvern ta’ żewġ miżuri soċjali nhar l-Erbgħa.
L-ewwel miżura hi dik favur ġenituri prospettivi li jaħdmu għal rashom u li jixtiequ jagħmlu t-trattament tal-IVF. Il-Gvern, li diġà qed jassisti bl-aħjar mod lil kull ċittadin fit-trattament innifsu, issa se jestendi l-leave speċjali għall-persuni self-employed.
Dawn il-ġenituri, li jaħdmu għal rashom, se jibbenefikaw minn 100 siegħa leave mħallas għal kull ċiklu ta’ trattament, hekk kif l-omm se tkun intitolata għal 60 siegħa leave, waqt li l-partner għal 40 siegħa oħra, li se jkun qed jitħallas bil-livell tal-Paga Minima Nazzjonali.
Żiedet tispjega kif, permezz ta’ din l-iskema, issa se jiġu mgħejjuna persuni self-employed waqt dan il-proċess rigoruż, hekk kif il-postijiet tax-xogħol se jkunu aktar inklussivi għal kulħadd u anke għal kull familja.
Qalet, “Hi miżura tajba ħafna. Jien għaddejt minnha s-sena l-oħra mal-mara tiegħi. Kienet sfida kbira, anke biex nibbilanċjaw ix-xogħol waqt dan il-proċess li kien jinvolvi ħafna ħin – scans, testijiet tad-demm u mediċina li kelli nieħu kuljum.”
Hawn hi kompliet titkellem dwar l-importanza ta’ miżuri ta’ din ix-xorta.
Qalet, “Ħa jkun hemm din il-miżura fejn ħa jgħin lin-nies li huma self-employed, li għal dak il-ħin li se jitilfu biex imorru għal dawn l-appuntamenti, se jiġu kkumpensati. Dik hi xi ħaġa tajba ħafna. Inizjattivi bħal din huma importanti, hekk kif jagħmlu l-postijiet tax-xogħol aktar inklussivi għal kull tip ta’ familja u kulħadd.”
Fl-istess waqt, se tiġi mplimentata miżura li se testendi d-dritt tal-leave tal-paternità lil min jaħdem għal rasu.
Dan filwaqt li l-leave tal-paternità, li diġà jingħata lil dawk kollha li huma mpjegati, se jibda jingħata wkoll lil dawk li jaħdmu għal rashom bil-ħlas ta’ għaxart ijiem jew 80 siegħa fl-okkażjoni tat-twelid jew adozzjoni fil-familja.