Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħabbar li l-Gvern se jkompli jagħti opportunitajiet ta’ studju lill-studenti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk milquta mill-gwerer.
Din il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru Borg żar l-Università ta’ Malta u l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi, MEDAC, sabiex jiltaqa’ mal-istudenti internazzjonali li bħalissa qed jibbenefikaw minn dan l-istudju. Dan l-investiment li jinkludi boroż ta’ studji ta’ livell Dottorat u Masters jilħaq l-ammont ta’ €265,000.
Ir-rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella flimkien ma’ numru ta’ akkademiċi laqgħu lil Ministru Ian Borg fl-Università ta’ Malta, għal laqgħat ma’ studenti minn bosta pajjiżi minn barra xtutna bħall-Etjopja, il-Libja, u l-Palestina.
L-istudenti tkellmu dwar l-esperjenzi akkademiċi u l-aspirazzjonijiet tagħhom f’laqgħat ta’ djalogu miftuħ.
Il-Deputat Prim Ministru Ian Borg nnota li din is-sena akkademika rat l-ogħla ammont ta’ boroż ta’ studju li qatt ġew offruti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu bħala parti mill-ODA ta’ Malta. Dan filwaqt li se jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin.
Qal, “Il-Gvern Malti se jkompli jinvesti f’dawn l-scholarships li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw indirettament l-aħjar ambaxxaturi ta’ Malta u jispjegaw x’inhi l-politika tagħna, politika li tibni l-bridges u mhux favur kunflitti jew gwerrer.”