“Tliet snin ta’ riformi.”
Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat minn Josef Caruana fil-programm ‘Temi’ fuq ONE Radio.
Il-Prim Ministru tenna li waqt li dan il-Gvern rebaħ l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja, dan il-pajjiż kien għadu bir-restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-COVID 19. Però minn hemm dan il-Gvern telaq b’ħemel ta’ riformi anka fl-ewwel mitt ġurnata tal-leġiżlatura fosthom bil-liġi tal-IVF.
Hawnhekk semma’ wkoll ir-riforma fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni hekk kif sa ftit tas-snin ilu, dan il-pajjiż kellu realtà fejn kulħadd għamel li ried mingħajr l-ebda sigurtà. Dr Abela sostna li llum il-ġurnata dan is-settur qed jara liċenzji, liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà, servizzi b’xejn ta’ avukati u periti għal min għandu kwistjoni relatata mal-kostruzzjoni, il-freephone 138 u ħemel ta’ miżuri oħrajn.
Riformi oħrajn li tkellem dwarhom il-Prim Ministru waqt din l-intervista huma tal-Malta Labour Migration Policy u riformi fil-qasam tal-Ġustizzja fosthom ir-riforma ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
Stqarr li dan il-Gvern ħadem favur ftehimiet kollettivi storiċi ewlieni fosthom dak tal-għalliema, ewlenin minnhom hu dak fl-MCAST fejn l-allokazzjoni fuq dak propost xhur ilu telgħet għal aktar.
Il-Prim Ministru semma numru ta’ miżuri li seħħew fil-Budget u hawn aċċenna għall-ipokrezija tal-Kap Nazzjonalista fejn ftit tal-jiem ilu mar fuq ix-xandir Nazzjonali u qal li żdiedu l-pensjonijiet fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, meta fil-verità ħalla għal 25 sħaħ il-pensjonijiet iffriżati. Bil-kontra, dan il-Gvern mill-2013 żied il-pensjonijiet b’sebgħin ewro fil-ġimgħa.
Però l-Prim Ministru tenna li dan il-Gvern fadallu ħafna iktar x’jagħmel u għalhekk hemm il-Malta Vision 2050, biex pajjiżna jkollu viżjoni fit-tul u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar fost oħrajn aktar proġetti ħodor u proġetti bħal dak tat-trakka u ħafna iktar.
F’kuntest ta’ sfidi straordinarji anka fuq livell internazzjonali, il-Prim Ministru tkellem dwar kif avolja dan il-Gvern qed jinvesti aktar fil-poplu, ċifri uffiċjali juru kif kien hemm titjib ta’ €373 miljun fid-defiċit nazzjonali.
Tenna li dan il-Gvern ma jemminx f’din l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea, fix-xiri ta’ difiża u armi imma l-pożizzjoni ta’ Malta hija ċara kristall, li jibqa’ jinvesti fis-soċjal.
Waqt din l-intervista il-Prim Ministru fakkar kif din il-ġimgħa ġie inawgurat investiment ġdid f’uffiċini ġodda ta’ SIGMA Group. Dr Abela sostna li dan il-Gvern irid jaħdem b’sinerġija mal-privat biex pajjiżna jkollu faċilità speċifika u kbira biżżejjed biex jospità avvenimenti kbar.
Meta mistoqsi dwar dak li qed ixerred il-Partit Nazzjonalista, li Malta qed tipprepara s-suldati Maltin għall-gwerra, il-Prim Ministru tenna li din hija gidba sfaċċata b’tattiċi biex mingħaliha tiskurja ftit punti fl-immedjat.
Il-Prim Ministru spjega li l-verità hija li f’missjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Forzi Armati ta’ Malta għandha biss uffiċjal wieħed stazzjonat l-Ingilterra u mhux l-Ukrajna u x-xogħol tiegħu hu biss amministrattiv fejn jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Dr Abela aċċenna li dan il-Gvern għamilha ċara li pajjiżna mhux se jibgħat suldati jiġġieldu l-gwerer. Minkejja dan il-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiġu tfal minn Gaza biex jirċievu kura medika.
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ġurnata ta’ Jum il-Ħelsien. Huwa tenna li dak li welled il-Prim Ministru Dom Mintoff 46 sena ilu, il-fidi tan-newtralità, sar relevanti aktar minn qatt qabel. Aċċenna li Malta qed tibgħat sessaġġ b’saħħtu kif dawn il-gwerer jifqu biss bid-diplomazija.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-poplu jingħaqad mal-Partit Laburista fit-30 ta’ Marzu sabiex flimkien infakkru dak li għamlu ta’ qabilna favur pajjiżna.