Fl-aħħar stqarrija għall-istampa il-Partit Laburista jinnota l-ittra tal-Awditur Ġenerali li bħala parti mix-xogħol tiegħu jiskrutinizza l-kuntratt marbut mal-proġett tal-Waste to Energy. Kull investigazzjoni hija milqugħa, wara kollox l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jeżisti propju għal dan il-għan.
Iżda, fl-istess ħin il-Partit Laburista ma jistax ma jinnotax l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista fuq diversi aspetti.
1. Il-Partit Nazzjonalista qed ibigħ kull tip ta’ prinċipju politku li seta’ fadallu biex ipaxxi interessi kummerċjali kbar hekk kif deputat ewlieni tiegħu, proprju l-eks Kap Adrian Delia, jirrappreżenta lil min għamel offerta li tiswa €200 miljun iktar lill-pajjiż u qed jibqa’ jagħmel il-flus mill-manuvri biex dan il-proġett li pajjiżna tant għandu bżonn jiġi mfixkel. Il-Partit Nazzjonalista qed jgħin lil Delia itawwal iż-żmien bit-tama li dan iwassal li l-offerta l-aktar vantaġġjuża għal Malta taqa’.
Il-Partit Laburista jemmen li liema offerta għandha tintlaqa’ hija deċiżjoni li jrid jieħdu l-awtoritajiet kompetenti f’indipendenza sħiħa, iżda d-domandi dwar kif Adrian Delia kaxkar partit sħiħ miegħu jiġġieled biex il-pajjiż iħallas mijiet ta’ miljuni ta’ ewro iktar tqajjem domandi kbar. Fil-fatt ikun aħjar li l-Kap tal-Oppożizzjoni jispjega kif il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia hija tenibbli, meta dan qed jirċievi flus mingħand kumpanija li magħha l-Gvern jista’ jkollu wieħed mill-akbar kuntratti għall-20 sena li ġejjin. Tajjeb ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni jispjega kif hu mingħajr ebda tip ta’ diċenza irrepeta gideb li xerred Delia mingħajr biss ma kellu id-diċenza jivverifika l-fatti.
2. Joħroġ b’mod ċar ukoll li l-Partit Nazzjonalista lest jibqa’ jfixkel dan il-proġett li hu jsejjaħlu tal-inċineratur. Dan mhuwiex proġett li sempliċiment jaħraq l-iskart iżda huwa proġett ambjentali importanti biex mill-iskart pajjiżna jibda jipproduċi l-enerġija. Hekk biss pajjiżna ma jibqax jagħmel iktar miżbliet kif kienet il-politika tal-iskart tal-Partit Nazzjonalista. Però kull darba qed joħroġ biċ-ċar li kull soluzzjoni ambjentali u sostenibbli ssib it-tfixkil tal-Oppożizzjoni populista.
3. Il-Partit Nazzjonalista jitkellem kontra l-għażla tal-Magħtab għal dan il-proġett imma ma jgħidx fejn kien jagħmel dan il-proġett bżonnjuż. Aġir pur ta’ Oppożizzjoni populista li tfixkel u ma tagħtix soluzzjonijiet. Sakemm mhux qed tgħid li minflok tmur għall-proġetti ta’ dan it-tip tibqa’ tieħu meded kbar ta’ art biex fihom jintefa’ l-iskart.
Din hi okkażjoni oħra li qed turi d-differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni. Fuq naħa Gvern bi proġetti innovattivi għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, fuq naħa oħra Oppożizzjoni mimlija kunflitti ta’ interess li trid tfixkel il-proġetti li pajjiż modern irid iħejji għas-snin li ġejjin. Mhux ta’ b’xejn li meta niżlu mill-Gvern ħallew pajjiż b’iktar miżbliet u b’ebda investiment f’alternattivi sostenibbli. Il-ħasra li baqgħu ma tgħallmu xejn.