Għoxrin fil-mija mill-implimentazzjoni tal-proġett tal-Imsida Creek huma lesti. Il-proġett, li l-ħidma fuqu bdiet madwar erba’ xhur ilu u li fi ftit ġimgħat intlaħqet l-ewwel mira importanti f’dan il-proġett massiċċ, se jkun qed itejjeb il-ħajja mhux biss tal-Misidjani, iżda wkoll ta’ dawk kollha li jagħmlu użu miż-żona mill-aktar ċentralizzata.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, spjega kif, bil-mod li hu għaddej ix-xogħol, kollox qed isir fil-ħin skont l-iskeda tax-xogħlijiet kif kien ippjanat inizjalment.
Spjega kif issa waslu biex jagħlqu l-ewwel fażi tax-xogħol, bit-tieni fażi mistennija tibda dalwaqt.
“Se tibda t-tieni fażi tiegħu madwar it-12 ta’ April, jiġifieri madwar in-nofs ta’ April it-tieni fażi ta’ dan il-proġett fejn issa se naraw il-fly-over tieħu l-forma tagħha u x-xogħol fuq il-kanal u l-ispazji miftuħa li dan il-proġett se jkun qed jagħti lill-komunità Misidjana.”
Il-Ministru Chris Bonett
ONE News tkellem ma’ Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta li qed twettaq il-proġett. Hu spjega aktar fid-dettall il-ħidma li saret fl-ewwel fażi kif ukoll dak li hu mistenni issa appena tibda t-tieni fażi.
“Proprju t-triq li minn Ta’ Xbiex tagħti għal Tal-Pietà, hemmhekk kellna investiment importanti u saru 60 kolonna tal-ħadid, metru wiesgħa, ħafna minnhom seba’ sulari fondi, li l-intenzjoni tagħhom hi li jżommu t-triq il-ġdida li se tagħti għal Ta’ Xbiex mill-Pietá. Proprju hawnhekk fis-sit ċentrali fejn hawn il-Monument tal-Ħaddiem, sar ix-xogħol tal-pedamenti għall-kolonni li se jżommu l-fly-over, dik kienet l-ewwel fażi. It-tieni fażi eventwalment se tkun qed tikkonċentra bil-bini u l-immaniġġjar tal-fly-over u anke bl-użu tal-ħadid li qed jintrama bħalissa off-site proprju f’fabbriki f’pajjiżna stess. Peró, imbagħad, ukoll l-ispazji miftuħa. Hawnhekk f’dan il-proġett se jkollna 20,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ u pjazza ġdida għall-komunità tal-Imsida.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul

