Illum f’Pariġi, Emmanuel Macron se jkun qed jiltaqa’ ma’ Volodymr Zelensky, Keir Starmer u għexieren ta’ mexxejja Ewropej oħra sabiex jiddiskutu t-tisħiħ tal-appoġġ militari għall-Ukrajna, ikunu analizzati l-isforzi biex jintlaħaq ftehim għall-waqfien mill-ġlied u xi rwol se jkollhom jekk ikun milħuq ftehim ta’ paċi mar-Russja.
Dan fl-isfond li dalgħodu, il-militar tal-Korea t’Isfel iddikjara li din is-sena l-Korea ta’ Fuq u Kim Jong Un diġà bgħatu kważi tliet elef aktar truppi lir-Russja sabiex jgħinu lil Vladimir Putin fil-gwerra kontra l-Ukrajna. Huma żiedu jgħidu li apparti t-truppi, l-Korea ta’ Fuq kienet fornit lir-Russja b’aktar missili, artillerija u munizzjon.
Ilbieraħ, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li truppi Ewropej li jinsabu fl-Ukrajna kienu lesti li jirrispondu jekk ikunu attakkati mir-Russja.
Zelensky ingħaqad ma’ Macron u flimkien appellaw sabiex ir-Russja tirregola ruħha u lill-Unjoni Ewropea biex tibqa’ magħquda.
Filwaqt li Zelensky sostna li għandu fiduċja li l-Istati Uniti kien se jirnexxielha twassal lil Putin għal ftehim ta’ waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjoni, Macron kontinwament wera’ r-rabja tiegħu għal Putin li kull darba kien jinterpreta l-ftehim kif irid hu wara li jħalli l-mejda tan-negozjati u anke li minkejja li jiddikjara li jrid il-paċi jibqa’ jattakka kontinwament it-territorju Ukren.
Hekk kif, minkejja l-ħafna taħditiet u diskussjonijiet, l-attakki tal-forzi Russi bid-drones baqgħu għaddejin anke matul dan il-lejl b’diversi persuni jisfaw feruti.