F’Varsavja fil-Polonja, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qed jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa li qed tiġi organizzata mill-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fost it-temi diskussi kien hemm il-ħarsien tal-kura tas-saħħa mentali fit-tfal u żgħażagħ, u l-aċċess ekwu għal mediċina ugwali għal kulħadd.
Fl-intervent tiegħu dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali fit-tfal u żgħażagħ u l-effetti tal-mezzi soċjali, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif għall-Gvern Malti, il-ħarsien u kura għas-saħħa mentali ilha prijorità u qed jaħdem fuq numru ta’ strateġiji u innovazzjoni fejn jidħol dan is-suġġett. Sostna, li din għandha tkun diskussjoni li kull pajjiż Ewropew ipoġġi fuq nett tal-aġenda.

“Fl-aħħar snin, Malta nediet numru ta’ inizjattivi biex inħarsu s-saħħa mentali, fosthom ġie mniedi l-programm ‘Be Smart Online’, ‘Child Web Alert Hotline’, kif ukoll in-numru nazzjonali għas-Saħħa Mentali 1579. Iżda dan mhux biżżejjed, u kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna f’dan ir-rigward fejn anke nkomplu nisimgħu mingħand iż-żgħażagħ u tfal stess,” saħaq il-Ministru Abela.
Rigward it-tema tal-mediċini, il-Ministru Abela kompla billi tenna dak li tkellem dwaru l-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell, l-importanza li jkun hemm aċċess għall-mediċini kollha u bi prezz ugwali għal kulħadd. Saħaq li Malta tibqa’ tisħaq fuq l-aċċess ġust għall-mediċini fejn kull Stat Membru jgawdi mill-vantaġġi tas-Suq Waħdieni. Qal li ċ-ċokon ta’ pajjiż bħal Malta m’għandux jimpedixxi li wieħed jikseb il-vantaġġi tas-Suq Waħdieni b’mod ekwu.
“Is-saħħa taċ-ċittadin hija r-raġuni wara dawn il-laqgħat importanti. L-aċċess ekwu u trasparenti għall-mediċini kritiċi u l-ħarsien tas-saħħa mentali taż-żgħar tagħna huma pedamenti tal-impenn u l-ħidma tagħna,” temm jgħid il-Ministru Abela.