Il-kumpanija tal-Gvern Interconnect Malta ddeċidiet li testendi l-perjodu għal dawk interessati li jipparteċipaw fis-sejħa għall-ewwel proġett ta’ windfarm nazzjonali fuq wiċċ ’il baħar wara interess qawwi fit-tnedija tal-Kwestjonarju ta’ Kwalifikazzjoni Preliminari.
Stqarrija minn ICM qalet li, wara laqgħa onlajn u numru ta’ talbiet għal kjarifiki, bosta operaturi ekonomiċi talbu għal żmien addizzjonali biex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tagħhom kemm bħala entitajiet indipendenti, fi sħubija ma’ operaturi oħrajn jew f’kollaborazzjoni iżjed usa’.
Fid-dawl ta’ dan, u minħabba d-daqs u l-importanza strateġika tal-proġett, l-Awtorità Kuntrattwali ddeċidiet li testendi d-data ta’ għeluq għas-sottomissjonijiet sal-21 ta’ Lulju li ġej.
Sadanittant, l-awtorità kuntrattwali qed tkompli tinvolvi ruħha ma’ awtoritajiet u entitajiet relevanti involuti fil-proġett, inklużi dawk li se jkollhom rwol fl-iżvilupp tiegħu, hekk kif, fil-fażi li jmiss, se jingħataw it-termini prinċipali għall-kuntratti ewlenin u ser jiġu definiti r-rekwiżiti għall-konċessjonarju.
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, li taħtu jaqa’ dan il-proġett kruċjali, se jibqa’ mpenjat fl-aħjar interess tal-pajjiż, f’dan l-avvanz għall-ambizzjonijiet nazzjonali fl-enerġija rinnovabbli offshore.