Disgħa u tletin kumpanija li jħaddmu xufiera li jwasslu l-ikel u 43 fleet manager tressqu fil-Qorti u ġew mixlijin bi ksur tal-liġi tax-xogħol.
Minn dawn il-kumpaniji, erba’ ġew akkużati li ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, id-DIER.
Fil-Qorti, sitta mill-kumpaniji ammettew għall-akkużi miġjiba kontrihom u kienu mmultati €1,076 kull wieħed.
Dawn il-kumpaniji tressqu wara investigazzjoni li saret mid-DIER, wara li diversi xufiera allegaw li ma kienux qed jingħataw id-drittijiet dovuti fosthom għall-paga minima, leave għall-mard u sahra.
Id-DIER talbet lill-Bolt u Wolt jipprovdu lista tal-kumpaniji, lista’ tax-xufiera tagħhom. L-istess talba saret lill-kumpaniji nfushom fejn intalbu, fost oħrajn, jipprovdu l-payslips ta’ kull xufier u kopja tal-kuntratti magħhom.