‘Second Chance: Empowering First Time Offenders’ hu proġett ġdid għal pajjiżna, li se jkollu l-għan ta’ riforma biex żgħażagħ, li jkunu wettqu l-ewwel reat tagħhom, ma jibqgħux fl-istess triq ħażina jew jerġgħu jxellfu difrejhom mal-ġustizzja.
U dan b’investiment ta’ €3.5 miljun mill-Gvern se jiġu offruti sapport professjonali u interventi xierqa fil-waqt.
Dan il-proġett, immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, b’kollaborazzjoni mal-Pulizija ta’ Malta, hu mmirat għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u l-25 sena.

Din l-inizjattiva se tkun qed tiffoka fuq erba’ pilastri prinċipali: l-ilqugħ bikri u l-prevenzjoni, interventi speċjalizzati permezz ta’ aktar tagħrif edukattiv, inklużjoni attiva fis-soċjetà u aktar tisħiħ kollaborattiv fi ħdan il-bosta stakeholders.
Biex jiġu indirizzati l-għeruq ta’ attitudnijiet kriminali u filwaqt li jiġu salvagwardjati d-delikwenti żgħażagħ bil-ħiliet u l-kapaċitajiet neċessarji, il-proġett ‘Second Chance’ se jkun kruċjali favur komunità aħjar.
F’kumment ma’ ONE News, Remenda Grech, Direttriċi fi ħdan l-FSWS, enfasizzat fuq il-ħidma kontinwa tal-entità maż-żgħażagħ f’pajjiżna.
“L-FSWS matul is-snin ħadmet ma’ diversi żgħażagħ, li sfortunatament xellfu difrejhom mal-ġustizzja jew inkella kellhom diversi problemi, inkluż problema ta’ computer mis-use u vizzji oħrajn, u allura ħassejna li hu importanti ħafna li naħdmu fuq proġett bħal dan ta’ €3.5 miljun flimkien ma’ ħafna stakeholders oħrajn li jaħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ.”
Remenda Grech, Direttriċi, FSWS
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, elenka kemm l-FSWS ilha bosta snin timplimenta programmi immirati għaż-żgħażagħ biex dejjem ikomplu jtejbu lilhom infushom fis-soċjeta tagħna.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, elenka kif l-ebda żagħżugħ m’għandu jaqa’ lura fis-soċjetà u kif, jekk hemm bżonn, għandu jingħata aktar minn ċans wieħed jew tnejn.
Hu żied jgħid li, ladarba lkoll niġbdu ħabel wieħed, il-ħidma se tkun aħjar u, għaldaqstant, se trendi riżultat pożittiv.
“Importanti li, fis-soċjetà, inkunu soċjetà inklussiva u li ma niġġudikawx, u allura aħna għandna obbligu – obbligu morali, obbligu politiku, obbligu soċjali – li naraw li fis-soċjetà tagħna nkunu nistgħu ngħinu lil kulħadd u l-aktar ħaġa importanti hu li nkunu soċjetà li lesti nagħtu t-tieni ċans u hawnhekk l-isem tal-programm mhuwiex b’kumbinazzjoni. Irridu naraw li kulħadd ikollu ċans li jibqa’ fit-triq it-tajba u li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.”
Il-Ministru Michael Falzon