F’Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo iddikjara li l-Gvern Malti qed jilqa’ u jinnota kif il-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin ġiet riflessa fil-Viżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Agrikoltura u s-Sajd.
Wara numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u r-raħħala f’Malta u Għawdex, il-Ministru Refalo, saħaq li Malta qed taqbel ukoll mal-prinċipju li l-produtturi Ewropej għandu jkollhom prezzijiet li ma jkunux inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni.

Hu kompla li Malta tirrikonoxxi li hu fl-interess tas-sigurtà u l-provvista tal-ikel fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jkollna aċċess għall-prodotti minn pajjiżi terzi. Madankollu, Malta tagħraf l-importanza li jiżdied ir-rispons biex jissaħħu aktar il-kontrolli fuq prodotti importati u li l-Unjoni nnifisha għandha tkun sensittiva u tkompli tipproteġi l-kompetittività tal-produtturi Ewropej waqt negozjati ta’ ftehim kummerċjali.
“Aħna bħala Malta naqblu ma’ diversi minn dawn il-prinċipji, fosthom li għandu jitneħħa l-kunċett tal-one-size-fits-all għax kull stat membru għandu jara hu x’inhu l-aħjar fl-interess ta’ pajjiżu. Irridu aktar flessibbiltà meta aħna niġu biex inwettqu l-obbligi li hemm fil-Politika Agrikola Komuni, il-PAK.”
Il-Ministru Anton Refalo

Sadanittant fl-istess Kunsill Ewropew, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ukoll kompliet tressaq il-pożizzjoni Maltija għas-sajd.
“Fost l-elementi li ddiskutejna kellna punt importanti fuq l-viżjoni tas-settur tas-sajd u aħna bħala Malta tkellimna dwar il-bżonn li nattiraw aktar żgħażagħ lejn dan is-settur. U għaldaqstant fuq dan tkellimna dwar il-bżonn li anke permezz tal-EMFAF fil-fondi Ewropej ikun hemm allokazzjoni speċifika għas-sajjieda biex ikun hemm aktar żgħażagħ li jingħaqdu f’dan is-settur.”
Segretarju Parlamentari, Alicia Bugeja Said
Dwar ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħhom fuq is-sajd lokali, is-Segretarju Parlamentari saħqet fuq il-bżonn li jiġu adottati liġijiet li jirriflettu r-realtajiet f’pajjiżna, flok l-implimentazzjoni ta’ politika uniformi li ma tqisx id-differenzi bejn l-istati membri.
Suġġett importanti ieħor li ġie diskuss waqt il-Kunsill kien rigward il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni fil-qafas regolatorju tas-settur peress li s-sajjieda spiss jiltaqgħu ma’ burokrazija eċċessiva u numru kbir ta’ formoli x’jimlew.