L-unjin soċjalista FGTB/ABVV u dik Kristjana CSC/ACV sejħu strajk ġenerali fil-Belġju għal nhar it-Tnejn 31 ta’ Marzu li fih se jipparteċipaw ħaddiema minn diversi setturi.
Fosthom, l-akbar żewġ unjins tal-ferroviji ACOD Spoor u ACV-Transcom bir-riżultat li se jkun hemm ferm inqas ferroviji jaħdmu matul il-ġurnata. Il-linja tal-ajru Brussels Airlines diġa kkonfermat li l-244 titjira skedati huma kkanċellati.
Il-kumpanija tat-trasport STIB/MIVB, f’dikjarazzjoni maħruġa t-Tlieta, saħqet li qed tantiċipa tfixkil u ttardjar kbir fuq il-mezzi tat-trasport tal-metro, tram u xarabank madwar Brussell hekk kif żewġ unjins tal-STIB qed iħeġġu lill-membri tagħhom biex jipparteċipaw fl-istrajk.
L-iskop ta’ dan l-istrajk huwa wieħed ta’ protesta kontra l-ftehim ġdid tal-Gvern Federali imsejjaħ Arizona. Filfatt matul din is-sena diġà saru diversi azzjonijiet industrijali minħabba dan il-ftehim.