Waqt workshop għall-istudenti, bħala parti mill-kampanja edukattiva dwar il-kunsens fir-relazzjonijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet fuq l-importanza li titrawwem kultura ta’ rispett fir-relazzjonijiet biex tixxejjen il-problema tal-isterjotipi tal-ġeneri li spiss iwasslu għall-vjolenza domestika.
Il-workshops organizzati mill-Kummissjoni Nazzjonali Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ttrattaw, fost l-oħrajn, l-imġieba abbużiva li l-istudenti jistgħu jesperjenzaw onlajn.

Fi stħarriġ li sar fost it-300 student u studenta f’dawn il-workshops, irriżulta li kważi terz tal-istudenti qalu li kien hemm okkażjonijiet li fihom intalbu jibagħtu ritratti intimi tagħhom.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, spjegat il-prinċipji tal-kunsens fir-relazzjonijiet li qalet għandhom dejjem ikunu msejsa fuq il-fiduċja, ir-rispett u s-sigurtà.
