Bħalissa fil-Korea t’Isfel qed iseħħu l-agħar nirien fl-istorja tal-pajjiż u li diġà ħallew 23 vittma u 27,000 persuna kellhom jiġu evakwati.
In-nirien iddistruġġew tempju Buddist li għandu 1,300 sena, djar, fabbriki u vetturi u nħarqu aktar minn 43,000 tomna art.
Fost il-mejta hemm il-pilota ta’ ħelikopter li kien qed jikkumbatti n-nirien u kkraxxja kif ukoll 4 pumpiera u ħaddiema tal-gvern wara li nħakmu min-nirien.
F’indirizz fuq it-televiżjoni, l-aġent President tal-Korea t’Isfel, Han Duck-soo, qal li n-nirien bdew nhar il-Ġimgħa u qed jikkawżaw danni bħal qatt qabel.
Madwar 4,650 pumpier, suldati u ħaddiema ta’ salvataġġ oħra flimkien ma’ madwar 130 ħelikopter qed jippruvaw jitfu n-nirien bi tbatija hekk kif il-lokazzjonijiet bħalissa huma maħkuma minn irjieħat qawwija.
Dawn in-nirien qed ipoġġu fil-periklu diversi siti protetti mill-UNESCO u ddikjarati bħala Wirt Dinjija fosthom Hahoe Village u l-Byeongsan Confucian Academy fil-belt ta’ Andong. Il-fjammi sfortunatament diġà ddistruġġew it-tempju antik ta’ Goun li kien mibni fis-sena 681.
Uffiċjali tal-Gvern qed jissusspettaw li n-nirien tkebbsu bi żball minn persuni li possibilment kienu qed jaħarqu ħaxix ħażin fuq oqbra tal-familja jew b’xi sparks tal-welding.