Wara tliet ijiem ta’ taħditiet fl-Arabja Sawdija, fi ftehim separati mal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukrajna qablu għal waqfien mill-ġlied navali fil-Baħar l-Iswed.
Sadanittant fi stqarrija li ħabbret dawn il-ftehmiet ,li permezz tagħhom se tkun qed terġa tinfetaħ rotta importanti għan-negozju, l-Amerika qalet li l-partijiet kollha se jkomplu jaħdmu favur ftehim għal-paċi dejjiema.
Jidher li f’dawn il-ftehim ikkommettew ruħhom li jiġu żviluppati miżuri għall-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq aktar kmieni, li jimpedixxi l-attakk fuq l-infrastruttura tal-enerġija ta’ xulxin.
Id-delegazzjonijiet Russi u Ukreni qatt ma ltaqgħu direttament hekk kif kienu uffiċjali Amerikani li mexxew in-negozjati separatament magħhom fil-belt kapitali tal-Arabja Sawdija, Riyadh.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-Baħar l-Iswed kien pass favur id-direzzjoni t-tajba.
Iżda r-Russja ddikjarat li l-waqfien mill-ġlied navali jidħol fis-seħħ biss wara li numru ta’ sanzjonijiet kontra l-ikel u l-fertilizzant tagħhom jiġu mneħħija. Meta Trump kien mistoqsi mill-ġurnalisti jekk is-sanzjonijiet hux se jitneħħew, huwa qal li kienu qed janalizzaw u jiddiskutu dwarhom.
Mid-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti, għadu mhux ċar meta suppost ħa jibda jiġi attwat dan il-ftehim.
Aktar tard fil-ġurnata, fl-indirizz ta’ kull filgħaxija liċ-ċittadini Ukreni, Zelensky akkuża lil Kremlin li gideb meta qal li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-Baħar l-Iswed jiddependi jekk ikunux imneħħija s-sanzjonijiet.
Fl-2022, wara li r-Russja kienet invadiet l-Ukrajna, kien ġie milħuq ftehim li vapuri kummerċjali jitħallew jinnavigaw fil-Baħar l-Iswed mingħajr il-biża li jkunu attakkati. Kemm l-Ukrajna kif ukoll ir-Russja huma esportaturi maġġuri tal-qamħ bil-konsegwenza li l-prezzijiet eskalaw wara l-bidu tal-gwerra. Il-ftehim kellu jdum 120 ġurnata iżda wara diversi estensjonijiet, f’Lulju 2023 ir-Russja ħarġet minnu bl-iskuża li partijiet importanti tal-ftehim ma kienux ġew implimentati.