Żewġ esperti oħrajn imqabbdin fl-inkjesta tal-isptarijiet qed ixolju l-kumpaniji li ħolqu biex bihom jisolħu kwantità kbira ta’ flus minn fuq pajjiżna.
Issa b’kollox jirriżulta li hemm erbgħa li qed ixolju jew diġà xoljew il-kumpaniji rispettivi tagħhom minn wara li ġiet fi tmiemha l-istess inkjesta.
Wara li sar magħruf li l-espert ewlieni l-Irlandiż Jeremy Harbinson beda jxolji l-kumpanija Harbinson Forensics Limited minnufih mal-preżentazzjoni tar-rapport lill-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella u l-istess għamel Sam Sittlington dan ix-xahar stess, kif imħabbar minn ONE News, issa tħabbar minn Neville Gafà li anke Andrew Robert Coles u Kenneth David Churchill għamlu l-istess.
Jirriżulta li, fil-każ ta’ Churchill, il-kumpanija tiegħu Churchill Fraud Solutions Limited, li twaqqfet f’Settembru tal-2005, rat l-assi tagħha jikbru b’għaxar darbiet fl-inkjesta tal-isptarijiet.
Fl-ewwel snin, id-dħul tagħha kien wieħed medjokri, iżda, wara li nħatar bħala espert f’Malta, l-assi netti tal-kumpanija tiegħu telgħu għal medja ta’ kważi €400,000 fis-sena.
F’Diċembru tal-2023 beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija. Proċess li ħaffu iżjed ix-xahar li għadda biex, skont il-likwidatur, din mistennija tiġi xolta f’Mejju li ġej.
Min-naħa l-oħra, Andrew, jew Andy Coles, kif inhu iżjed magħruf, ħoloq il-kumpanija Rhinoconsulting AML Limited fi Frar tal-2021 wara li nħatar fl-inkjesta tal-isptarijiet. Waqt li bdiet b’kapital ta’ żewġ liri Sterlini biss, il-kumpanija tħallset mill-inqas kwart ta’ miljun ewro tul l-inkjesta tal-isptarijiet.
Issa f’Settembru li għadda applika biex ixolji l-kumpanija u fil-25 ta’ Frar li għadda ntemm il-proċess sħiħ biex ġiet likwidata.
Il-kumpaniji ta’ Harbinson, Sittlington u Coles kienu fost il-firmatarji tar-rapport finali fl-inkjesta tal-isptarijiet u x-xoljiment tagħhom jista’ faċilment jiġi interpretat li sar biex jiġu eliminati t-traċċi tagħhom biex ħadd ma jkun jista’ jfittixhom.
Minbarra dan, ONE News jista’ wkoll jiżvela kif żewġ kumpaniji oħrajn involuti – Anthea Insights Limited u AH Training Solutions Limited – proprjetà tal-esperti Jill Kennedy u Alan Heath daħħlu wkoll kemxa kbira mill-inkjesta.
Waqt li dik ta’ Heath inħolqot wara li dan tqabbad bħala espert u bdieha b’kapital ta’ żewġ liri Sterlini wkoll, dik ta’ Kennedy ġiet salvata minn falliment grazzi għall-flus kbar li daħħlet mill-inkjesta.
Mhux eskluż li dawn iż-żewġ kumpaniji wkoll issa jiġu xolti.
Dan kollu bi ksur tal-istandards internazzjonali u l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-esperti mqabbdin fl-inkjesti.
L-esperti, parti minn grupp ta’ iżjed minn tletin, tqabbdu fl-inkjesta fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess Harbinson, li issa ma jridx ikollu x’jaqsam mal-kawżi li żviluppaw fuq ir-rapport tiegħu, waqt li l-ħlasijiet abbundanti ta’ iżjed minn ħdax-il miljun ewro ġew approvati lkoll mill-Maġistrat Vella.
Fl-aħħar seduta f’waħda mill-kawżi relatati, li nfetħu fuq ir-rapport tal-esperti u li tinvolvi lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, tħabbar li għat-8 t’April li ġej tlieta mill-esperti ntalbu biex jagħtu x-xhieda tagħhom.