Il-filmat li deher ilbieraħ li fih jidhru żewġ persuni jagħmlu atti indiċenti f’vettura fetħu l-bieb għal rapporti oħra lill-Pulizija dwar filmati li qed jitpoġġew fuq pjattaformi differenti tal-midja soċjali. Filfatt, filmat ieħor fuq You Tube ħoloq rabja fost il-ġenituri li uħud minnhom b’kumbinazzjoni semgħu t-tfal tagħhom jaraw dan il-filmat inoċċentament.
Din id-darba qed nitkellmu dwar filmat tal-karattru maħbub mit-tfal Peppa Pig, fil-bidu ta’ dan il-filmat wieħed jaħseb li dan huwa wieħed mis-sensiela ta’ episodji ta’ dan il-karattru iżda f’mument minnhom fil-filmat jinstema’ kliem oxxen.
Dwar dan l-Ispettur u l-President tal-Police Officers Union, Sandro Camilleri spjega lil one.com.mt li saru numru ta’ rapporti dwar il-filmat wara li n-nies saret aktar infurmata, wara l-każ ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ, dwar id-drittijiet tagħha.
Huwa stqarr li meta wieħed ikun tella’ dan il-filmat fuq wieħed mill-pjattaforma tal-midja soċjali ikun qed jikser il-liġi dan għaliex ikun uża dan il-mezz b’mod abbużiv u f’dan il-każ qed ixerred ukoll materjal ta’ kliem oxxen li huwa aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-Pulizija f’dan il-każ tagħmel rapport lill-kumpanija youtube biex il-filmat jitneħħa iżda meta saqsejnih jekk tiġiex infurmata bid-dettalji tal-persuna li oriġinarjament tpoġġi l-filmat, l-Ispettur spjegalna li dan mhux dejjem ikun possibbli minħabba li jaf ikun hemm kunflitti fil-liġi tal-oriġini tal-kumpanija u dik Maltija. Iżda l-messaġġ tal-ispettur kien wieħed ċar, dak li l-ġenituri joqogħdu attenti x’jaraw uliedhom fuq il-midja soċjali għaliex wieħed jaf jingidem bħal ma propju ġara fil-każ ta’ dawn il-ġenituri.