F’partita valida mill-fazi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026, u f’partita li mmarkat id-debutt tal-coach Taljan Emilio De Leo bħala coach tat-tim nazzjonali Malti, wirja qalbiena u ta’ karattru ma kinitx biżżejjed għal pajjiżna hekk kif Malta sfat megħluba bl-iskor minimu ta’ 1-0 mill-qawwa tal-Finlandja, bil-Maltin li lagħabu għall-aħħar kwarta bi player inqas, jaqsmu l-logħob mal-avversarji għall-ħinijiet twal fil-partita u setgħu faċilment isibu x-xibka.
Għall-Maltin iddebuttaw iż-żewġ players James Carragher u Ilyas Chouaref.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Teddy Teuma għadda tajjeb lejn Joseph Essien Mbong li iżda kellu l-konklużjoni fil-baxx tiegħu erratika li ntemmet barra. Il-Finlandiżi wieġbu żewġ minuti wara meta xutt insidjuż ta’ Nikolai Alho ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper Malti, Henry Bonello.
Malta reġgħu ħolqu l-periklu fit-12-il minuta meta Alex Satariano avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jiġi salvat tajjeb mill-goalkeeper u captain tal-Finlandja, Lukas Hradecky.
Il-Maltin komplew juru personalitá u erba’ minuti wara xutt mid-distanza ta’ Paul Mbong ġie salvat tajjeb minn Hradecky.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Maltin u fl-24 minuta xutt mid-distanza ta’ Joseph Essien Mbong ġie devjat mid-difiża tal-Finlandja qabel ġie salvat minn Hradecky.
Iżda kienu l-Finlandja li resqu viċin li jiftħ l-iskor fil-31 minuta meta Joel Pohjanpalo kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata parzjalment minn Bonello, biex mir-rebound Benjamin Kaliman minn taħt il-lasta spara inkredibbilment għoli, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.
Huma komplew fuq l-offenisva u ħames minuti wara l-istess Kaliman reġa’ rriżulta bħala xewka fid-difiża Maltija u din id-darba kellu daqqa ta’ ras mill-viċin li ntemmet ftit barra.
Azzjoni wara l-oħra il-Finlandja fetħu l-iskor fit-38 minuta mete konklużjoni mid-distanza tas-solitu Kaliman ġiet salvata parzjalment minn Bonello, bil-ballun jaqa’ preċiż għand OLIVER ANTMAN li mir-rebound mill-viċin ma ħafirx.
Il-Maltin wieġbu fit-43 minuta meta xutt mill-ewwel mid-distanza ta’ Ilyas Chouaref intemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima il-Maltin ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta Paul Mbong kellu xutt mill-viċin devjat f’corner minn Robert Ivanov b’sidru. Huma komplew fuq l-offensiva u fit-52 minuta Chouaref xeħet cross għan-nofs b’Paul Mbong ma jilħaqx il-ballun għal ftit bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Mas-siegħa logħob il-Maltin appellaw għall-penalty meta Alex Satariano deher li allegatament twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur avversraju iżda r-referee Taljan Simone Sozza ħalla l-logħob għaddej.
Minuti biss wara Paul Mbong dejjem għal pajjiżna xeħet cross għan-nofs iżda pront kien Jere Uronen li antiċipa lil Zach Muscat u tefa’ l-ballun f’corner. Kulma jmur kompla d-dominju tal-Maltin u fl-74 minuta is-solitu Chouraef xeħet cross għan-nofs li sab llil Joseph Essien Mbong li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jintemm ftit għoli. Dan sabiex minuta biss wara Chouraef għadda pass perfett lejn is-sostitut Kyrian Nwoko li għeleb in-nasba tal-offside u kellu x-xutt tiegħu jgħaddi ftit metri ‘l bogħod mill-wieqfa.
Iżda fit-78 minuta, il-Maltin qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom id-difesuur Kurt Shaw wara daħla kerha fuq Kaan Kairinen bir-referee Somma l-ewwel jurih il-karta s-safra iżda wara konsultazzjoni mal-VAR bidel il-verżjoni tiegħu u keċċa lill-player Malti permezz ta’ karta ħamra diretta.
Fil-ħin miżjud, Malta resqet viċin li ġġib l-iskor indaqs iżda daqqa ta’ ras mill-viċin tas-sostitut Basil Tuma ġiet salvata tajjeb minn Hradecky.
Il-Finlandja komplew jamministraw il-vanatġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Simone Sozza (Italja)
Ritratt: MFA / Andre Farrugia