L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, qalu li twaqqfu x-xogħlijiet li żviluppatur kien qed jagħmel f’Tas-Sliema, bil-konsegwenza li saru xi ħsarat f’residenza ta’ terzi persuni.
L-awtoritajiet, li wkoll wettqu l-ispezzjonijiet fuq is-sit, qalu li dwar dan saret laqgħa mal-iżviluppatur tal-proġett u ordnawlu jirranġa l-ħsarat ikkawżati lil terzi u nnotifikawh biex iwaqqaf ix-xogħlijiet ta’ żvilupp sakemm jitranġaw il-ħsarat kollha.
Iż-żewġ awtoritajiet talbu lill-iżviluppatur dokumentazzjoni addizzjonali dwar ix-xogħlijiet kollha li fadal, fejn dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux isiru, sakemm il-BCA u l-OHSA japprovaw it-tali dokumentazzjoni. Il-BCA ħarġet ukoll avviż ta’ inforzar bil-penali fil-konfront tal-iżviluppatur.
Sadanittant, iż-żewġ awtoritajiet se jżommu lil dawk affettwati ħażin informati bl-aħħar żviluppi u jassistu fejn meħtieġ. Huma jtennu l-appell tagħhom biex f’każi simili jirrapportaw fuq il-helpline 138.