Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja tħabbar li l-Avukat Vanessa Grech se tinħatar bħala Kap Eżekuttiv se tinħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati.
Dr Vanessa Grech ingħaqdet mas-servizz pubbliku f’Awwissu tal-1998 bħala skrivana fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja u ħadmet kważi f’kull sezzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja, fejn għal dawn l-aħħar erba’ snin okkupat l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv, Direttur tas-Servizzi Legali, konsulent Legali tal-Qorti u anke Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali.
Il-Ministru Jonathan Attard awgura lil Dr Grech għal dan ir-rwol importanti fil-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Dan filwaqt li Eunice Grech Fiorini, li fl-aħħar snin serviet bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u kif ukoll Deputat Chairperson tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, se tinħatar fir-rwol ta’ Direttur għall-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.
Dan wara li l-Ministru Attard, fl-4 ta’ Marzu li għadda, kiteb lill-Bord bin-nomina ta’ Grech Fiorini biex il-Bord jikkunsidraha għal pożizzjoni ta’ Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi b’konformità mal-Att dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità.
Fl-10 ta’ Marzu, iċ-Chairman l-Imħallef Emeritu J. D. Camilleri kiteb li l-Bord kien aċċetta n-nomina u afferma li din kellha tkun għażla tajba biex l-entità tkompli tikber u tilħaq l-objettivi u responsabbiltajiet tagħha.
Il-Ministru Attard filwaqt li rringrazzja lil Grech Fiorini għall-ħidma mwettqa b’tant dedikazzjoni fl-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, qal li jinsab konvint li l-ħiliet u l-esperjenza li akkumulat mas-snin, se tkun issa qed tutilizzahom fl-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, li maż-żmien saret istituzzjoni ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Ministru Jonathan Attard irringrazzja wkoll lil Anthony Sevasta għall-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar snin fi ħdan dan l-Uffiċċju.
Grech u Grech Fiorini se jkunu qegħdin jidħlu fir-rwoli rispettivi tagħhom nhar it-Tnejn 24 ta’ Marzu.