Permezz ta’ vidjow, li tella’ fuq il-midja soċjali, il-Membru Parlamentari qrib il-fergħa estremista Nazzjonalista, Charles Azzopardi, infexx f’dagħdigħa ta’ attakki dispreġġjattivi fil-konfront ta’ kull min iħaddan it-twemmin Laburista.
Bi kliem diżgustanti għall-aħħar, simili għal dak li jintuża minn estremisti oħrajn fil-Partit Nazzjonalista, Azzopardi joħroġ l-odju kollu tiegħu u qabbel lil-Laburisti biss ma’ dak li joħroġ minn fossa tad-drenaġġ.
“Id-dubbiena, il-wirdiena, il-ġurdien tal-fossa, il-bugħarwien, dawn l-insetti u dan il-mammiferu l-ġurdien tal-fossa kollha jħobbu l-ħmieġ u jgħixu fil-ħmieġ, għalihom il-ħmieġ hu l-ambjent naturali tagħhom, iħossuhom komdi fih, għax in-natura tagħhom hekk poġġiethom jgħixu fil-ħmieġ.”
Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi
Hu kompla jattakka lill-Gvern Laburista bħala l-ħażen ta’ kollox u l-poplu jrid jagħmel għażla waħda.
“Hekk irridu nagħmlu biex nevitaw il-ħmieġ u nfittxu s-sewwa u t-tama, irridu nagħmlu għażla billi neqirdu l-ħażen.”
Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi
F’Novembru li għadda, f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, Azzopardi kien intalab minn dan l-istazzjon jgħid x’jaħseb dwar il-kumment ta’ Paul Bonello waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit tiegħu fejn qabbel lill-Partit Laburista mas-Sataniżmu.
Hawn kien iddikjara li ma jara xejn ħażin b’dan.
ĠURNALISTA: “Ma taħsibx li kien kumment estremist minn Paul Bonello, imma?”
CHARLES AZZOPARDI: “Naħseb, naħseb li le.”
Dakinhar ukoll kien infexx jgħajjat ma’ ONE News u, biex jiġġustifika l-odju tiegħu għal-Laburisti u kif irid jeħles minnhom, saħansitra mar lura b’aktar minn ħames mitt sena, fi żmien meta pajjiżna kien rebaħ fl-Assedju l-Kbir.
“Irbaħna lit-Tiranni, irbaħna lit-Torok, irbaħna l-Fewdotarji, keċċejna l-Franċiżi.”
Id-deputat Nazzjonalista, Charles Azzopardi