Il-President Amerikan Donald Trump ilbieraħ iffirma ordni eżekuttiva li fiha ta ordni sabiex ikun żarmat id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Din il-mossa twettaq il-wegħda li għamel is-47 President tal-Istati Uniti waqt il-kampanja elettorali tiegħu fl-2024 hekk kif kien qal li din l-istituzzjoni hija mimlija ħela u mnaffra minn ideoloġija liberali.
Din l-ordni tgħid li s-Segretarju tal-Edukazzjoni, Linda McMahon, għandha taġixxi fil-marġini massimi permessi mil-liġi sabiex tieħu l-passi neċessarji kollha biex ikun iffaċilitat il-proċess biex jingħalaq id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-awtorità tat-tmexxija terġa taqa’ f’idejn l-Istati u l-komunitajiet lokali.
Fl-ordni eżekuttiva mhemm l-ebda dettalji kif se tkun qed titħaddem din is-sistema jew x’funzjonijiet huma inklużi, iżda l-White House qalet li l-aġenzija kienet se żżomm xi funzjonijiet kritiċi.
Waqt l-iffirmar, Trump tefa’ l-ħtija tan-nuqqas ta’ livell akkademiku fl-Amerika fuq dan id-dipartiment u qal li l-istati kienu se jagħmlu biċċa xogħol aħjar. McMahon qalet li se tabolixxi l-burokrazija u tati l-poter lill-Istati sabiex jiddeċiedu huma xhinu l-aħjar għall-iskejjel tagħhom.
Din l-ordni irċeviet ħafna kritika fejn qed jingħad li se jbatu miljuni ta’ tfal Amerikani li jiddependu minn fondi federali biex ikollhom edukazzjoni ta’ kwalità, inkluż dawk li huma fqar u jgħixu f’komunitajiet rurali ma’ ġenituri li vvutaw għal Trump.