Illum l-ajruport ta’ Heathrow f’Londra se jkun magħluq il-ġurnata kollha hekk kif spiċċa bla dawl, wara li nħarqet substation qrib li tissupplixxih bil-provvista tal-elettriku.
Hekk kif dan huwa l-aktar ajruport b’titjiriet fir-Renju Unit, qed ikun antiċipat li se jkun hemm ammont ta’ taħwid fil-ġranet li ġejjin u avżaw lill-passiġġieri sabiex taħt l-ebda ċirkustanza m’għandhom jivvjaġġaw sakemm jerġa jiftaħ lura.
F’dan l-ajruport jinżlu u jitilgħu madwar 1,300 titjira kuljum u skont l-aħħar statistika s-sena l-oħra għaddew numru rekord ta’ 83.9 miljun passiġġier mill-ħames terminals tiegħu. Huwa antiċipat li bl-għeluq tal-lum se jkunu affetwati 1,351 titjira minn u lejn Heathrow b’madwar 120 ajruplan kienu diġa jinsabu fl-ajru fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Eluf ta’ djar jinsabu mingħajr elettriku filwaqt li madwar 150 persuna kienu evakwati kawża tan-nirien li ħakmu s-substation f’Hayes fil-Punent ta’ Londra.
Is-servizzi tal-emerġenza kienu msejħa fuq il-post ftit qabel nofs il-lejl u fuq il-post biex jiġġieldu n-nirien kien hemm 10 fire engines u madwar 70 pumpier.
Il-kawża tan-nirien għadha mhux magħrufa.