L-Erbgħa, f’jum San Ġużepp, l-ogħla awtoritajiet sellmu l-memorja tal-Arċisqof Emeritu, il-Monsinjur Pawlu Cremona, li ħalla din id-dinja, tard it-Tlieta filgħaxija, fl-età ta’ disgħa u sebgħin sena.
Fi stqarrija, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono qalet li Monsinjur Cremona mexxa lill-Knisja Kattolika Maltija bħala Arċisqof b’imħabba u umiltà. Saħqet li jibqa’ mfakkar ukoll għall-ġid li għamel fis-silenzju matul iktar minn 50 sena ta’ servizz fi ħdan il-Knisja Kattolika.
ONE News ħa kumment tal-Prim Ministru Robert Abela dwar din it-telfa.
“L-Arċisqof Emeritu niddiskrevih bħala persuna ta’ rispett kbir. Kelli l-opportunità propju ftit tal-jiem ilu li mmur inżuru fid-dar tal-Kleru fejn kien residenti, u stajt nara fih, minkejja t-tbatija fiżika li kien għaddej minnha, bniedem ta’ paċi. Tħadditna ħafna, kellu ċarezza mentali verament qawwija dwar anke x’kien qed jiġri barra minn pajjiżna. Tħadditna ħafna anke dwar it-tema tal-paċi. Tħadditna dwar dak li qed jiġri ġewwa pajjiżna wkoll kemm kellu kummenti sbieħ dwar il-poplu Malti – u hemmek stajt tara l-imħabba li kellu lejn il-poplu Għawdxi u Malti. Dik kienet element li anke kkaratterizzat it-tmexxija tiegħu tal-Knisja fi żmien li kien Aċrisqof għaliex li kieku kelli niddeskrivi t-tmexxija tiegħu ngħid li kienet waħda kkaratterizzata b’imħabba – b’imħabba li kellu lejn il-proxxmu tiegħu, il-ġid li għamel lejn is-soċjetà b’mod ġenerali, il-messaġġ sabiħ li bagħat li dan huwa poplu li jrid jgħożż l-għaqda nazzjonali.”
Fi stqarrija, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-Monsinjur Cremona ħalla legat ta’ dedikazzjoni għall-fidi u l-karità.
Sellmet ukoll il-memorja ta’ Monsinjur Cremona, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela. Hi sostniet li l-valuri sbieħ li dejjem ħaddan, flimkien mal-umiltà tiegħu tagħmel lill-Monsinjur Cremona persuna li kien ta’ servizz għan-nies.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Monsinjur Cremona, fejn intqal li hu kien bniedem ta’ servizz.