Id-Deputat Mexxej u l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba kiteb ittra lill-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, fejn talabha tieħu azzjoni konkreta wara li reġgħet bdiet il-vjolenza fil-Palestina.
Dan wara d-deċiżjoni ta’ Iżrael li jwaqqaf il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, li swiet il-ħajja ta’ iktar minn 400 persuna.
Agius Saliba talab lil Metsola biex tidderiġi lill-Unjoni Ewropea biex jieħdu miżuri li jxekklu l-kapaċitajiet militari ta’ Iżrael li jikkaġunaw dawn id-delitti tal-gwerra.
Id-Deputat Mexxej Laburista kien minn tal-bidu li saħaq biex jittieħdu miżuri xierqa biex titwaqqaf il-gwerra fil-Palestina, sa mill-bidu tagħha, f’Ottubru 2023.
Intqal li l-Unjoni Ewropea għandha tonora l-obbligi internazzjonali tagħha u s-sentenzi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, filwaqt li tieħu kull azzjoni biex tipprevjeni iżjed imwiet u tiżgura li dawk ħatja ta’ delitti tal-gwerra jinżammu responsabbli.
Huwa talab li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael għandu jiġi sospiż, dan minħabba l-abbużi li ġew imwettqa waqt dan il-kunflitt.
Dawn il-miżuri huma importanti li jiġu fis-seħħ biex jillimitaw iċ-ċans li l-Iżrael iwettaq attakk ieħor bħal dan. Agius Saliba talab ukoll lil Metsola biex tinsisti li l-UE tappoġġja l-pjan ippreżentat mil-Lega Għarbija għar-rikostruzzjoni ta’ Gaza.
Agius Saliba temm jgħid li l-Palestina ilha snin iġarrab il-vjolenza u issa wasal iż-żmien ta’ azzjoni, biex dawn jintemmu.