Il-Qorti laqgħet b’mod provvizjorju l-Mandat ta’ Inibizzjoni li tressaq mill-Birdlife Malta. Dan sar bil-għan li l-Kumitat Ornis jiġi miżmum milli jikkunsidra, jiddiskuti, jiddeċiedi u jirrakkomanda dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem.
Il-Ministru responsabbli Clint Camilleri tenna li l-Gvern se jirrispondi għal dan il-mandat u għal darb’oħra jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-raba’ mandat konsekuttiv.
Min-naħa tagħha, fi stqarrija, l-FKNK qalet li dan il-mandant ġie wara t-telfa tal-kawża fil-Qorti Ewropea fl-2009, segwit minn telfa oħra fir-Referendum tal-2015 u t-tlett disfatti li sofrew bit-tlett Mandati ta’ Inibizzjoni konsekuttivi fl-aħħar tliet snin.
L-FKNK qalet li din mhija xejn ħlief mossa oħra arroganti u ta’ diżrispett lejn il-Gvern Malti, min-naħa tal-BirdLife, li temmen li għandha dritt tfarrak jekk kemm-il darba ma tgħaddix tagħha.