Twaqqfet l-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà. Din ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.
Dan qiegħed jitqies bħala pass kruċjali lejn settur tal-proprjetà aktar trasparenti, robust, u sostenibbli.
Fost affarijiet oħra l-aġenzija se tkun qiegħda tirregola u tissorvelja s-suq tal-proprjetà, tipprovdi taħriġ għall-intermedjarji, tinkoraġġixxi u tikkordina riċerka, torganizza kampanji ta’ għarfien pubbliku li teduka lill-konsumaturi, tipprovdi riżorsi faċilment aċċessibbli li jispjegaw proċeduri legali u kundizzjonijiet tas-suq u tipprovdi prattiċi kummerċjali etiċi li jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-konsumatur u trattament ġust.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li stinkaw matul is-snin biex seta’ jintlaħaq dan it-tragward, il-Ministru Attard qal li din l-Aġenzija se sservi bħala regolatur ewlieni tal-intermedjarji fis-settur tal-proprjetà, taħt qafas regolatorju ġdid li jsaħħaħ il-protezzjoni lix-xerrejja, lill-bejjiegħa u lill-operaturi tas-suq. Din ir-riforma timmira li tipprevjeni każijiet ta’ abbuż, tistabbilixxi standards aktar ċari u tgħolli l-professjonalità fis-settur.
“Dan huwa tragward importanti ħafna fis-suq tal-proprjetà mhux biss it-twaqqif ta’ aġenzija ġdida biex tirregola dan is-settur, imma wkoll il-fatt li għandna qafas regolatorju ġdid li se jkun qed jassigura aktar responsabbiltà, aktar integrita u iktar serjetà fis-settur b’risq mhux biss ix-xerrejja imma anke dawk li jbiegħu l-proprjetà.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà Joe Deguara qal li l-għan tal-aġenzija huwa li tagħti lill-konsumaturi serħan il-moħħ billi tipprovdilhom l-għarfien li jeħtieġu sabiex jinteraġixxu b’kunfidenza fis-suq tal-proprjetà.
“It-twaqqif tal-Agenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà jagħti iktar saħħa lil-awtorità li tagħtik operaturi fi ħdan is-suq, b’hekk meta l-konsumaturi u anke negozji jiġu biex jagħmlu waħda mill-ikbar transazzjonijiet ta’ ħajjithom se jsibu operaturi li jistgħu bl-aħjar mod possibbli, mod professjonali u mod etiku.”