Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba ħabbar li ftit minuti wara li t-Tnejn saret l-elezzjoni każwali fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, sabiex jimtela’ l-post vakanti tal-kunsillier Alfred Grima, huwa talab li l-kandidat elett f’din l-elezzjoni każwali, Charles Cassar sabiex ma jibqax jirrapreżenta lill-Partit Laburista fl-istess Kunsill Lokali.
Agius Saliba qal li għamel dan minħabba li ġie nformat b’sentenza mogħtija mill-Qorti fil-konfront ta’ Charles Cassar f’Awwissu li għadda – reat li dwaru kien hemm ammisssjoni mill-istess Charles Cassar.
Huwa kompla jispjega li Cassar ingħata l-għażla li jew jirreżenja minn Kunsillier jew inkella jinforma lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali, li mhux ser ikun qed jirrapreżenta lill-Partit Laburista fl-istess Kunsill.
Finalment huwa għażel li jpoġġi bħala Kunsillier Indipendenti fil-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità.
“Nemmen li persuni li jinstabu ħatja ta’ reati bħal dan m’għandhomx jirrapreżentaw lill-Partit Laburista. Għaldaqstant ħadna din id-deċiżjoni b’mod immedjat, hekk kif dan il-każ seħħ wara l-istess elezzjonijiet lokali ta’ Ġunju li għadda”, temm jgħid Alex Agius Saliba.