L-għadd ta’ karti ta’ flus foloz, li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna, żdied sew matul l-2024. Dan joħroġ minn stqarrija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fejn ġie spjegat li, din is-sena, ġew ippreżentati total ta’ 1,565 karta tal-ewro foloz.
Dan ifisser żieda sostanzjali meta mqabbel mas-snin preċedenti, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet imposti fejn l-għadd ta’ karti tal-flus foloz kien eċċezzjonalment baxx.
Intqal li, minkejja dan, il-proporzjon ta’ karti tal-ewro foloz għadu baxx ħafna meta mqabbel mal-karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna, li fl-2024 ammontaw għal ftit aktar minn 32 miljun karta tal-flus.
Minbarra hekk, il‑proporzjon ta’ karti tal‑flus foloz f’Malta hu ta’ 0.28% meta mqabbel ma’ dawk kollha kkonfiskati fiż‑Żona Ewro matul l‑istess perjodu.
Fl-2024 jirriżulta li kien hemm żieda fl-ammont ta’ karti foloz tal-€20 u tnaqqis f’dawk tal-€50. Dawn it-tnejn flimkien kienu jammontaw għal 82% tal-karti tal-flus foloz kollha maqbuda.
Minkejja l-livell baxx ta’ flus foloz irrapportati lokalment, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jħallas u jitħallas bi flus kontanti.
Dan hekk kif il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz jistgħu jintagħrfu faċilment minħabba li m’għandhom l-ebda karatteristiċi ta’ sigurtà.