Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali żamm numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u r-raħħala kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex biex magħhom jiddiskuti l-viżjoni għall-agrikoltura u l-ikel, li kienet adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li tipprovdi pjan ċar u ta’ direzzjoni għall-futur tas-settur.
Issa l-pass li jmiss hu li l-Ministru Refalo jmur fil-Kunsill tal-Ministri li jmiss, fil-jiem li ġejjin, biex hemmhekk iwassal il-proposti tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.
“Qegħdin hawn illum biex, għal darb’oħra, nisimgħu l-leħen tal-bdiewa u r-raħħala dwar il-politika li aħna bħala Malta rridu nfasslu għall-bdiewa u r-raħħala tagħna sew għar-rigward is-settur agrikolu u anke s-suċċess tal-ikel.”
Il-Ministru Anton Refalo
Fuq livell Ewropew il-Ministru Refalo stqarr li Malta tqis l-erba’ oqsma li tiffoka fuqhom il-viżjoni bħala essenzjali u kruċjali. Dawn huma settur attraenti, settur kompetittiv u reżiljenti, settur li jiflaħ għall-futur u kundizzjonijiet ta’ għajxien u xogħol ġust f’żoni rurali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Sharlo Camilleri, tenna l-importanza tal-konsultazzjoni li saret u kif Malta ħadmet qatigħ rigward dan id-dokument.
“Aħna bħala Malta qed nagħmlu konsultazzjoni mas-settur biex nieħdu l-feedback tagħhom dwar dan id-dokument li se jiġi diskuss fil-Kunsill li ġej fl-24 ta’ Marzu.”
Sharlo Camilleri, Segretarju Permanenti