Żewġ investigazzjonijiet separati dwar l-importazzjoni ta’ droga wasslu għall-arrest ta’ żewġ irġiel u s-sejba ta’ droga b’valur ta’ €250,000.
Fl-ewwel każ, raġel ta’ 34 sena mill-Malasja ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li deher jaġixxi b’mod suspettuż waqt tfittxijiet ta’ rutina. Wara tfittxija fil-bagalja tiegħu, bl-għajnuna tad-Dwana, instabu pakketti li fihom madwar 20 kilogramma kannabis.
F’operazzjoni separata, raġel Ingliż ta’ 27 sena ġie arrestat fi Tas-Sliema wara li l-Pulizija wettqet konsenja kkontrollata ta’ pakkett suspettuż li wasal bil-posta, li fih instabu 2 kilogrammi kannabis.
Iż-żewġ irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Dr Victor Axiak LL.D. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.