Il-President tal-Peru Dina Boluarte iddikjarat stat ta’ emerġenza fil-belt kapitali tal-Peru, Lima, ftit wara li kantant popolari inqatel bi sparatura fuq xarabank.
Dan id-digriet ta’ emerġenza, mħabbar it-Tnejn u li jiskadi fi żmien 30 jum, huwa riżultat ta’ żieda enormi ta’ attakki u qtil fil-pajjiż.
Taħt din il-miżura, is-suldati se jkunu qed jgħinu lill-pulizija sabiex jiġġieldu kontra l-kriminali filwaqt li ċertu drittijiet, bħal dak li jinġemgħu fit-toroq, ikunu restritti filwaqt li persuna se tkun tista’ tiġi arrestata mingħajr ordni ġudizzjarja.
Il-pubbliku wera l-għadab tiegħu matul tmiem il-ġimgħa wara li Paul Flores, il-kantant popolari ta’ 39 sena tal-grupp Armonia 10, inqatel il-Ħadd filgħodu meta kienet attakkata x-xarabank li kien qed jivjaġġa biha flimkien mal-membri l-oħra tal-grupp wara li kienu taw kunċert.
Huwa mifhum li L-grupp ta’ mużiċisti kienu mhedda minn kriminali li riedu l-flus minn għandhom.
Il-mewt ta’ Flores ma kienx l-uniku attakk vjolenti f’Lima matul tmiem il-ġimgħa. Splużjoni f’ristorant is-Sibt ħalliet mill-anqas ħdax-il persuna feruti.
Fi tmiem din il-ġimgħa, politikanti mistennija jiddiskutu jekk jitressaqx vot ta’ sfiduċja kontra l-Ministru tal-Intern Juan José Santiváñez hekk kif qed jingħad li m’għandux pjan konkret ta’ kif se jiġġieled il-vjolenza dejjem tikber fil-pajjiż.
B’kollox 495 persuna inqatlu mil-ewwel tas-sena sas-16 ta’ Marzu meta, skont il-pulizija, f’Jannar biss kienu rrappurtati 1909 każ ta’ estorzjoni ta’ flus.