Kull sena, fit-tielet 3 ta’ Marzu, jaħbat il-Jum Dinji għall-Ħaddiema Soċjali, xogħol strumentali b’messaġġ favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-ħajja tal-bniedem.
Bil-għan li jitqajjem aktar għarfien dwar din il-karriera, ONE News tkellem ma’ żewġ social workers li jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS.
L-ewwel nett ħadna l-perspettiva ta’ Angelique Schembri, social worker friska fil-mestier, hekk kif għadha kemm iggradwat mill-kors f’Novembru li għadda u llum tagħmel parti mis-servizz ta’ fostering.
“Jiena nemmen li, bħala xogħol, hu wieħed li jgħin lin-nies, imma wkoll jagħtik lura, għax jagħtik ċertu sodisfazzjon, speċjalment meta tara ċertu żvilupp u improvement fil-persuni li tkun taħdem magħhom.”
Angelique Schembri, Spcoal Worker
Min-naħa l-oħra, tkellimna ma’ Charlene Martin, social worker li għandha esperjenza ta’ ’l fuq minn għoxrin sena u spjegat magħna dan it-tip ta’ xogħol x’jirrikjedi.
“Persuni li jkunu għaddejjin minn ċerti mumenti fejn forsi jkollhom bżonn dik l-għajnuna u bħala social work aħna flimkien magħhom, ngħinuhom jiftħu qalbhom, jagħrfu minn xiex għaddejjin, id-diffikultajiet tagħhom. Naraw forsi ways li jistgħu jimxu ’l quddiem, liema servizzi jistgħu jgħinuhom.”
Charlene Martin, Social Worker
Fl-aħħar mill-aħħar, Charlene għaddiet messaġġ b’saħħtu għal dawk l-individwi hemm barra li jixtiequ jieħdu l-pass li jaħdmu f’dan il-qasam u qed jaqtgħu qalbhom.
Hi tenniet li dan ix-xogħol jagħtik l-isbaħ sodisfazzjon, dik li tara familji jew persuni jirnexxu f’ħajjithom.
“Forsi minn barra social work jinstema’ ftit negattiv però hemm il-pożittiv fejn inti takkumpanja persuna jew familja biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħhom, jiġifieri taqtgħux qalbkom. L-istudju jippreparakom kemm min-naħa tal-Università u anke l-MCAST. Jiġifieri mhux xogħol li ħa jaqtagħlek qalbek u huwa xogħol li, bil-mod il-mod, tikber fih u tagħmel ħafna ġid.”
Charlene Martin, Social Worker