Il-militar Iżraeljan ħabbar li kien qed iwettaq attakki intensivi fil-Medda ta’ Gaza bil-Ministeru tas-Saħħa immexxi mill-Hamas jirrapporta li mill-anqas 300 Palestinjan kienu sfaw maqtula.
Il-Forza tad-Difiża Iżraeljana qalu li kellhom fil-mira siti immexxija mit-terroristi u l-grupp estremista tal-Hamas.
Qed ikun irrappurtat li fost il-mejta hemm id-Deputat Ministru tal-Intern f’Gaza Mahmoud Abu Wafah li hu wkoll l-ogħla uffiċjal tas-sigurtà tal-Hamas.
Dawn kienu l-akbar attakki mill-ajru fuq Gaza minn mindu kien iffirmat il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fid-19 ta’ Jannar hekk kif taħdidiet sabiex dan l-ftehim ikun estiż fallew.
Aktar minn 20 ajruplan intużaw f’din l-operazzjoni li seħħet hekk kif in-nies kienu qed jippranzaw qabel titla’ x-xemx peress li bħalissa huwa x-xahar sagru tar-Ramadan.
Kien il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu flimkien mal-Ministru tad-Difiża li ordna dawn l-attakki t-Tlieta filgħodu wara li l-Hamas baqa jirrifjuta li jitlaq l-ostaġġi Iżraeljani kif ukoll ċaħad il-proposti kollha li għamel il-mibgħut speċjali tal-White House Steve Witkoff u medjaturi oħrajn.
L-Ambaxxatur Iżraeljan għall-Ġnus Magħquda Danny Danon avża lill-Hamas sabiex jitlaq l-ostaġġi kollha bit-theddida li ma kienux se juru ħniena mal-għedewwa tagħhom.
Min-naħa tagħhom il-Hamas akkużaw lil Iżrael bi tradiment li ma onorawx il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u li b’hekk kienu qed jesponu l-ostaġġi li għadhom jinżammu f’Gaza għall-periklu. Madankollu, il-Hamas għadhom ma ddikjarawx li se jerġgħu jibdew jirritaljaw iżda talbu lill-medjaturi u lill-Ġnus Maqgħuda sabiex jintervjenu.
L-amministrazzjoni ta’ Donald Trump ikkonfermaw li kienu konsultati minn Iżrael qabel saru dawn l-attakki.
Sadanittant f’kitba fuq is-sit ‘X’ il-Prim Ministru Robert Abela, f’isem il-Gvern Malti ikkundanna l-attakki barbari u tenna li ma setax jemfasizza biżżejjed it-talba għall-paċi f’Gaza, l-Ukrajna u lil hinn.
Intense strikes on Gaza last night leaving more than 300 children, women & men dead. On behalf of the @maltagov I strongly condemn these barbarous attacks. I cannot emphasise enough 🇲🇹’s plight for peace, in Gaza, Ukraine & beyond. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) March 18, 2025