Wara li s-semmiegħa ta’ Net FM stess ċemplu bir-ragħwa f’ħalqhom minħabba l-irwol ġdid ta’ Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u li hu ta’ żmien GonziPN, illum f’intervista ppubblikata mil-gazzetta Times, Bonello ammetta li l-PN, jinsab maqsum.
Din il-qasma hi riflessa fit-tweġibiet li qal mal-ġurnalist tat-Times, meta saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu 90% ċans jirbaħ l-elezzjoni ġenerali jekk jingħaqad.
Qal li jekk ma jibqax mifrud, il-Partit Nazzjonalista jċaqlaq il-muntanji, eku ta’ dak li kien qal Bernard Grech.
“Dik il-politika li tqanqal il-muntanji.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Is-Sibt fuq ir-radju tal-Knisja, enfasizza li jrid jagħfas fuq id-dixxiplina u li n-nies iridu jisimgħu minnu għax hu jaf aħjar.
“Kulħadd għandu kontribut x’jagħti, nista’ nkun aktar ċar minn hekk. Però fejn hemm bżonn, mhux fejn tiddeċiedi inti, tajjeb? Għax aħna nafu.”
Charles Bonello – Is-Segretarju Ġenerali tal-PN
“Issa either you follow the rules jew inkella x’tim aħna allura aħna? Mela jien se ntik il-platt u pick and choose?”
Charles Bonello – Is-Segretarju Ġenerali tal-PN
Meta mistoqsi fuq il-qagħda finanzjarja u d-dejn esaġerat tal-Partit fl-Oppożizzjoni, Bonello rrisponda li dik il-mistoqsija, għalissa, ma tistax tiġi mwieġba.
Fl-istess waqt, meta mistoqsi fuq meta l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippubblika l-kontijiet tiegħu, u reġa’ dar għall-istess retorika u wieġeb li qed jaħdmu fuqha.
Bonello qal ukoll li se jibqa’ jaħdem għall-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi bħala Segretarju Privat waqt li jkun Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.