Quddiem folla sabiħa ta’ nies li nġabru quddiem iċ-Ċentru Laburista fin-Naxxar, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fakkar fi tnax-il sena ta’ ħidma minn Gvern Laburista favur iktar opportunitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin u iktar investiment.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif din il-ġimgħa tħabbar investiment ta’ tnejn u għoxrin miljun ewro f’hangar ġdid minn Lufthansa Technik. Tenna li dan ifisser karrieri aqwa għal uliedna, b’sebgħin impjieg ġdid.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela qal li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa b’saħħtu, għax il-Gvern qed jadotta politika b’ekonomija għan-nies u man-nies.
“B’għaqal u b’ħidma ffukata u flimkien nemmen li qed inwasslu lil dan il-pajjiż li jibqa’ miexi dejjem ‘il quddiem. Perfetti mhux dejjem konna però l-għajta ta’ Mintoff, ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox tibqa’ tigwidana f’dak kollu li nagħmlu ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fakkar kif qabel 12-il sena ilu, l-ekonomija kienet staġnata bi 8,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol, nies jagħżlu bejn li jħallsu l-kont tad-dawl jew jixtrux dak li huwa essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum.
Dr Abela qal li l-Gvern huwa ffukat fuq il-paċi u meta hu jattendi għal-laqgħat mal-mexxejja Ewropej jitkellem dwar il-ħtiġijet tal-familji u n-negozji, fuq miżuri li jolqtu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, fosthom aċċess aħjar għall-mediċini għaċ-ċittadini tagħna bi prezz ġust.
Il-Prim Ministru qal li għandu jitwessa’ s-servizz taċ-childcare u jiġi massimizzat l-użu tat-teatri tal-isptarijiet għall-operazzjonijiet, fost il-miżuri li se jkomplu jtejbu ħajjet in-nies.
Dwar l-ekonomija f’Għawdex, il-Prim Ministru qal li din hija prijorità, tant li qal is-sena li għaddiet mal-1,500 Għawdxi sabu impjieg f’Għawdex stess.
“Il-prijorità tagħna hija li Għawdex jiġi l-mutur ekonomiku ta’ pajjiżna u mexjin sew lejn dik id-direzzjoni. Li Għawdex ikun l-ewwel post minn fejn jittellaq il-mudell ta’ prosperità ġdida li jien nixtieq inħalli lil dan il-pajjiż. Li l-magna ekonomika tal-pajjiż, filwaqt li tibqa’ l-aqwa fl-Unjoni Ewropea, twieġeb ukoll għall-aspettativi l-ġodda li għandu dan il-poplu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern se jaħdem biex ikompli joħloq ġid għall-familji, għall-ħaddiema, u għal uliedna, biex meta se nkunu qed niċċelebraw Jum il-Ħelsien iktar tard dan ix-xahar, se nfakkru l-kisbiet li għamel Gvern Laburista.
“Din festa tant għażiża għalina li se nkomplu nfakkruha flimkien fil-jiem li ġejjin għax it-torċa tal-Ħelsien ma tintefa’ qatt u qatt. Ħelsien li fisser il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-ġid għall-familji, il-ġid għall-ħaddiema, il-ġid għan-negozji, il-ġid għal uliedna. Għalhekk se nibqgħu magħqudin dejjem flimkien. Għax fl-għaqda hemm is-saħħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela