Bejn il-ħamsa u għoxrin (25) u s-sebgħa u għoxrin (27) ta’ dan ix-xahar, il-Malta Business Registry se jospita fil-binja tiegħu fiż-Żejtun grupp ta’ ħidma globali dwar il-laqgħa ta’ sidien benefiċċjarji.
Din il-laqgħa hi tal-ogħla livell, tant li preżenti għaliha se jkun hawn ukoll rappreżentanti mill-Moneyval, mill-Kummissjoni Ewropea u minn istituzzjonijiet oħrajn madwar id-dinja kollha.
Dwar din il-laqgħa tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tar-reġistru tan-negozju, Geraldine Spiteri Lucas, li hi wkoll il-President tal-Grupp ta’ Ħidma tas-Sidien Benefiċċjarji, fejn se tkun diskussa l-prattiċità f’dan ir-rigward.
Intqal ukoll li din il-laqgħa tirrifletti r-rispett li pajjiżna kiseb f’dan il-qasam.
“Intagħżilna Malta, għax aħna esperti f’dan is-suġġett, jiġifieri aħna pajjiż li qed inkunu ta’ quddiem f’dan is-suġġett, allura qisha l-għażla naturali kienet li aħna mmexxu dan il-working group. L-isfidi huma diversi, jiġifieri verifikazzjoni li Malta għandna reġim veru robust, l-aċċess tar-reġistru, min ħa jarah u min le, u wkoll l-informazzjoni trid tiġi maqsuma ma’ entitajiet oħrajn, jiġifieri waħda mill-kunċetti ta’ verifikazzjoni, li inti tara diversi sorsi differenti, fejn tista’ tikkonferma s-Sid Benefiċċjarju.”
Geraldine Spiteri Lucas – il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Registry