Dak li kellu jkun programm li fih in-nies jawguraw lil Charles Bonello f’irwol il-ġdid tiegħu bħala Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, spiċċa f’programm li kompla joħroġ fil-beraħ id-diżgwid u l-għadab li għandhom diversi persuni, fil-konfront tiegħu.
Fl-ewwel impenn tiegħu, mal-partitarji Nazzjonalisti, sigħat biss wara li nħatar bħala Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Charles Bonello mill-ewwel beda fuq sieq ħażina.
Fil-fatt, waqt programm fuq ir-radju Nazzjonalista, l-assistent personali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, qal li huwa daħal għal din il-kariġa b’kuraġġ biex jirbaħ il-qlub tan-nies.
B’dan il-messaġġ, ma tantx nieżel tajjeb mas-semmiegħa u l-partitarji Nazzjonalisti. Fil-fatt, partitarju Nazzjonalist wera l-għadab tiegħu fil-konfront tas-Segretarju Ġenerali ġdid, li kien qed jisma’ kollox fl-istudjo.
“L-ewwel ħaġa, jiddispjaċini ngħid hekk imma ma ħadtx pjaċir li inti ġejt imlaħħaq bħala Segretarju Ġenerali u ngħidlek għalxiex. Jien familja Nazzjonalista li sofrejna ħafna u qatt ma tlabt xejn.“
“Inti se ġġalni lili u lill-familja tiegħi biex ma nivvotawx fl-elezzjoni li ġejja.“
Semmiegħa
Dan il-kumment ma niżel xejn tajjeb ma’ Bonello, tant li tawh parir biex jaħrab jiġri ’l barra mill-programm, biex l-intervent tiegħu lanqas biss damm ħamsa u għoxrin minuta.
Iżda t-telefonati b’rabja u għadab kbir kontra Charles Bonello, xorta ma waqfux.
“Ma ilħaqtx ċempilt meta kien hemm Charles Bonello. Jien wieħed mill-imweġġgħin minnu dak ir-raġel fi żmien Gonzi.”
“Jien Nazzjonalist dejjem ivvutjajt, imma mh ux se nivvotta“
Semmiegħa
Semmiegħa oħra tkellmet ukoll fuq ir-rabja tagħha fil-konfront ta’ Bonello u s-sieħba tiegħu, li wkoll kienet taħdem fis-segretarju ta’ Gonzi, meta kien Prim Ministru.
“Jien ġejt imweġġa’ minn Charles Bonello, u hawn ħafna nies. Jien meta mort inkellmu fuq il-housing, kont qed nħallas ħames mija fix-xahar bit-tlett itfal żgħar tgħajjarni ‘l hemm. Hu, u Charmaine Gerada, kienet miegħu Segretarja.”
Semmiegħa
ONE News jinsab infurmat li wara l-għadab li esprimew semmiegħa li ċemplu fil-programm tar-radju tal-PN, sorsi qalu li Bonello ngħata parir biex ma jieħux sehem fi programmi sakemm it-telefonati jkunu kontrollati.
L-għadab fil-konfront ta’ Bonello jkompli joħroġ fid-deher it-tħassib serju dwar l-għażla ta’ Bonello għal din il-kariga, li se jieħu lura lill-Partit għal GonziPN.
Dan l-aġir kien rifless ukoll fil-vot tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif minn 88 membru tal-Eżekuttiv, 32 ma vvotawx għal Charles Bonello. Dan ir-riżultat ikompli jesponi l-firda li hemm fil-Partit Nazzjonalista li kull ma jmur qed tkompli tikber bil-mod kif il-Partit inħataf mill-estremisti mmexxija mill-Kap de facto Karol Aquilina.