Skont sorsi minn ġewwa l-Eżekuttiv tal-PN, Mark Anthony Sammut kien wieħed mid-Deputati Nazzjonalisti ewlenin fl-Eżekuttiv Nazzjonalista li vvota kontra Charles Bonello għall-ħatra tiegħu bħala Segretarju Ġenerali minflok Michael Piccinino.
Dan hekk kif hemm tħassib serju dwar l-għażla ta’ Bonello għal din il-kariga, speċjalment wara li dan tal-aħħar kien imbuttat mill-klikka ta’ l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi.
Fil-fatt, dan it-tħassib serju kien rifless ukoll fil-vot fil-konfront ta’ Charles Bonello hekk kif minn 88 membru tal-Eżekuttiv, 32 ma vvutawx għalih.
Dan billi tmintax-il persuna ma attendewx għal-laqgħa li fiha sar il-vot, bħala protesta kontra din l-istess għażla u saħansitra 11-il-persuna vvutaw direttament kontrih. Tliet persuni astjenew milli jivvutaw.
ONE News infurmat li s-soltu, għal sessjonijiet daqstant importanti tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, l-attendenza tkun aktar għolja. Għalhekk il-fatt li 18 il persuna baqgħu d-dar kixef l-inkwiet serju li hemm bħalissa fil-PN.
Wara li l-Ħamis filgħaxija, ONE News żvela dan kollu, is-sorsi tiegħu fid-Dar Ċentrali issa spjegawlu kif wieħed mid-Deputati Ewlenin li vvota kontra Bonello kien Mark Anthony Sammut.
Huwa fatt magħruf li Mark Anthony Sammut kien wara Stefan Caruana, kunsillier Nazzjonalista fil-Gudja, għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Dan tal-aħħar flimkien ma’ Liam Sciberras, ġew kostretti jirtiraw mit-tellieqa għall-elezzjoni għal din il-kariga wara l-insistenza u l-pressjoni ta’ Lawrence Gonzi u l-kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina.
ONE News diġà żvela kif wara Stefan Caruana kien hemm l-eks ministru Louis Galea li hekk kif sema’ li Charles Bonello kien qed jiġi mbuttat minn Gonzi, irreaġixxa bil-qawwi u ntefa’ wara Caruana.
Huwa fatt magħruf li Louis Galea u Lawrence Gonzi ma jinġibux minħabba li Galea kien pretenda li Gonzi jaħtru President meta dan kien Prim Ministru.
Charles Bonello fil-passat serva bħala l-assistent personali ta’ Gonzi meta dan kien Prim Ministru, u baqa’ jservi lil Gonzi sa riċentament.
Bonello kellu saħħa kbira f’Kastilja taħt Gvern Nazzjonalista, flimkien ma’ Edgar Galea Curmi, iċ-Chief of Staff ta’ Gonzi.
Il-kandidatura ta’ Stefan Caruana kienet ħasdet lill-fazzjoni estremista fil-PN u qajmet ġlied kbir fid-Dar Ċentrali hekk kif Lawrence Gonzi u Karol Aquilina, akkost ta’ kollox riedu li Charles Bonello ma jkunx ikkontestat. ONE News infurmat li Charles Bonello wkoll insista li ma jkunx ikkontestat.
Tant hu hekk, li saħansitra Bernard Grech ukoll ma kellux għażla ħlief li jgħid li hu għandu kandidat preferut u indika li dan kien Charles Bonello.
B’hekk, wara dan kollu, sorsi qalu lil ONE News li dawn il-manuvri waslu biex id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut jivvota kontra Charles Bonello wara li l-kandidat preferut tiegħu ntrema mill-klikka estremista tal-Partit Nazzjonalista.
L-istess sorsi minn ġewwa l-Eżekuttiv Nazzjonalista qalu lil ONE News li deputata oħra li vvutat kontra l-ħatra ta’ Charles Bonello kienet Julie Zahra.
Intant, id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6PM, li ftit tal-jiem ilu ħabbar li mhux se jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, ma attendiex għal-laqgħa tal-Eżekuttiv. ONE News infurmat li d-deċizjoni ta’ Bartolo kienet b’sinjal ta’ protesta kontra Karol Aquilina u l-bqija tal-klikka li għandhom ħakma fuq il-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija ta’ Bernard Grech.