Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela żar ix-xogħlijiet li qed jitwettqu biex jinbena ċ-Ċentru Reġjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali f’Bormla. Dan il-proġett qed isir ukoll b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.
Il-Ministru Abela spjega kif bħalissa s-servizzi tas-saħħa mentali f’Bormla qed jiġu pprovduti minn tliet kmamar fiċ-Ċentru tas-Saħħa fejn qed jilħqu biss 12,000 resident.
Kompla li la jitlesta dan il-proġett u jibda jopera, dan ser jgħin mhux biss biex itejbu s-servizz u l-faċilitajiet marbuta mas-saħħa mentali fil-komunità, imma wkoll se jwessgħu s-servizz biex jilħaq madwar 47,000 persuna.
Ġie spjegat ukoll li dan iċ-ċentru se jwassal għal titjib kbir fis-servizz fejn se jkun qed jipprovdi lill-individwi, fost oħrajn, pjanijiet ta’ riabilitazzjoni personalizzati. Iċ-Ċentru se jkollu wkoll kamra sensorjali għall-adulti li se tgħinhom jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet, itaffu l-istress, u jtejbu l-benesseri tagħhom.
Il-Ministru sostna li dan il-hub reġjonali ser ikun qed jaqdi numru ta’ rħula min-naħa t’isfel ta’ Malta u se jgħin biex jagħti kura ta’ kwalità għolja u ċċentrata fuq il-persuna f’ambjent modern u funzjonali.
“Dan ħa jkun jaqdi lill-Kottonera, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Marsaskala. U qed ikompli jixpruna l-isforzi tal-Gvern biex inżidu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela