Zabbar SP ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu l-isfida ta’ Gzira U. bl-iskor ta’ 3-0.
Gzira kellhom liż-żewġ players importanti, Gabriel Bohrer Mentz u Thaylor Aldama sospiżi, waqt li Diogo Joao Tavares u David Oliveira Souza rritornaw minn sospensjoni għal Zabbar, b’dan tal-aħħar jiġi utilizzat bħala sostitut fejn ħa post Stefan Ilic fis-46 minuta.
Zabbar għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u ħasdu lill-Maroons meta fetħu l-iskor wara biss 21 sekonda meta KRISTIAN KEQI venven xutt li ntemm fir-rokna tax-xibka.
Gzira wettqu reazzjoni tajba u fis-16-il minuta wara li rċieva minn cross mil-lemin, Faysal Chouaib ra lill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Zabbar Luca Camilleri isalva tajjeb. Huma komplew jippressaw u fil-35 minuta, Stefan Ilic kellu x-xutt tiegħu salvat f’corner mill-goalkeeper taljan ta’ Gzira, Giulio Mangano.
Gzira wieġbu fil-41 minuta, meta Stefan Denic kellu x-xutt bid-dawra tiegħu jgħaddi ftit għoli.
Fil-51 minuta kienu Zabbar li ħoqlu l-periklu meta s-sostitut David Oliveira Souza kellu t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb minn Mangano.
Huma komplew jippressaw u fit-72 minuta rduppjaw l-iskor meta DAVID OLIVEIRA SOUZA mill-viċin ma ħafirx.
Oliveira Souza kompla jirriżulta bħala xewka għad-difiża tal-Maroons u fil-85 minuta kellu d-daqqa ta’ ras tiġi salvata minn Mangano.
Minuta biss wara, Żabbar issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta s-sostitut MARCELA BARROS SANTOS b’xutt fil-baxx ħasad għal kollox lil Mangano li laqa’ iżda ma żammx.
Huma komplew jamminsitraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Stefan Ilic (Zabbar SP)