Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mhux talli ma ċaħadx l-aġir ta’ Jason Azzopardi, talli sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiftaħ dirgħajh biex miegħu jkompli jaħdem kulħadd.
Huwa sostna dan f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħaxija wara li l-Partit Nazzjonalista vvota kontra r-riforma fil-proċess tal-Inkjesti Maġisterjali mill-privat u anke kontra l-għajnuniet tal-Gvern quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Grech qal dan waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet minn ġurnalist ta’ ONE News.
KAP TAL-PN
ĠURNALIST: “Meta se tkun qed tiċħad lil Jason Azzopardi?”
BERNARD GRECH: “Kellna, għandna u se nibqgħu niftħu dirgħajna biex magħna jkompli jaħdem kulħadd.”
Huwa fatt magħruf li bosta fil-Partit Nazzjonalista għandhom rabja kbira għall-Kap Bernard Grech għall-fatt li għadu maħkum minn nies bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina, li qed iservu ta’ mażra ma’ saqajn il-Partit.
Il-fatt li Grech baqa’ ma ċaħadx lil Azzopardi jkompli juri kemm il-klikka estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħatfet it-tmexxija tal-istess partit.
Fil-fatt, Bernard Grech kellu wkoll ikompli jdoqq id-diska tal-Avukat Edward Debono, ieħor magħruf għall-qrubija tiegħu mal-klikka estremista Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika.
Debono kien stqarr jekk jisma’ lil xi ħadd jallega xi ħaġa fuq xi ħadd ieħor f’każin, dan hu biżżejjed biex jitlob inkjesta maġisterjali.
“Jiena kont f’bar fir-Rabat, Għawdex, u smajt lil Tizju qed jgħid li l-Ministru tqassam il-berths lil-Laburisti għall-esklużjoni tan-Nazzjonalisti jew ta’ kull min ipprova jitlob biex jieħu berth l-Imġarr jew ix-Xlendi u ta’ dan kellu jħallas. Dik illum jien ma nistax immur b’dik l-allegazzjoni quddiem il-maġistrat u nitolbu jinvestiga.”
Edward Debono, Avukat ta’ Bernard Grech
B’rabta ma’ din id-dikajrazzjoni li opponewha bosta esperti fil-qasam legali fosthom l-Avukat Franco Debono, Bernard Grech qal hekk.
ĠURNALIST: “Inti taqbel ma’ Edward Debono li dak li tisma’ f’bar tista’ tressqu bħala prova?”
BERNARD GRECH: “Aħna lkoll għandna obbligu li mmorru u nirrapportaw dik l-informazzjoni u jekk dik l-informazzjoni ma nkunu qed nirrapportawha, nisimgħuha fejn nisimgħuha nkunu qed nonqsu bħala ċittadini.”
Intant, għal darb’oħra il-konferenza tal-Partit Nazzjonalista kompliet tikkonferma n-nuqqas ta’ interess li qed jattira l-istess partit hekk kif ħadd mill-midja indipendenti ma’ attenda għall-istedina li ħarġilhom il-PN.
Apparti l-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon kien hemm biss ġurnalista tal-midja Nazzjonalista.
Minkejja dan Bernard Grech evidentament skomdu, ipprova jgħatti dan id-dettall.
“Nirringrazzja lill-midja kollha li ngħaqdet magħna llum.”
Bernard Grech, Kap tal-PN