Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità issa jistgħu jitolbu lura sa €750 fis-sena bħala parti minn skema ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż tat-terapija mħallsa għat-tfal tagħhom.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Julia Farrugia.
Din l-iskema, li qabel kienet l-iskema ta’ kreditu fuq it-taxxa marbuta ma’ terapija, tippermetti lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità taħt is-16-il sena li jitolbu l-ispejjeż li jkunu ntefqu f’sessjonijiet ta’ terapija għal uliedhom. Ir-rifużjoni hi sa massimu ta’ €750 fis-sena. B’din hi żieda ta’ €250, meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Ġie spjegat li dawk li ma jħallsux it-taxxa issa huma eliġibbli wkoll.
Il-Ministru Farrugia spjegat kif minn din is-sena, se jgawdu ferm aktar familji, li forsi ma jħallsux taxxa jew ma jħallsux taxxa biżżejjed.
“F’dawn l-aħħar sentejn, aħna lħaqna 450 familja, permezz tal-iskema, dak iż-żmien tat-tax credit. Issa din l-iskema se nirfinawha b’tali mod li r-rifużjonijiet jibdew jinħarġu tliet darbiet fis-sena u ma tkunx ibbażata fuq id-dħul tal-individwu u, b’hekk, qegħdin nikkalkulaw li nkomplu nilħqu aktar familji.”
Il-Ministru Julia Farrugia
Il-Kummissarju għas-CRPD Rhoda Garland spjegat li sabiex japplikaw għall-iskema, il-ġenituri għandhom jivverifikaw li t-terapija hi eliġibbli u mbagħad jibagħtu l-formola tal-applikazzjoni b’email jew bil-posta.
Ġenituri li jixtiequ japplikaw għat-terapiji tas-sena l-oħra xorta jistgħu jagħmlu dan sal-15 ta’ Marzu.
Il-formola ta’ applikazzjoni l-ġdida għal din is-sena tista’ tinstab fuq is-sit tas-CRPD: https://www.crpd.org.mt/therapy-refund-scheme/