ONE News jista’ jiżvela, b’mod eskussiv, li l-istqarrija maħruġa l-Erbgħa filgħodu mill-Partit Nazzjonalista b’attakk fuq l-Ispeaker Anġlu Farrugia, kienet miktuba mill-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina u li l-Grupp Parlamentari ma rahiex qabel ħarġet.
Fil-fatt jirriżultalna li, waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tat-Tlieta, Bernard Grech fetaħ il-laqgħa billi b’ton baxx talab lil Aquilina jkun inqas aggressiv fil-Parlament. Ir-risposta ta’ Aquilina b’daħka sarkastika kienet li hu xi drabi jkun imqareb.
Iżda l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sab ma’ wiċċu stqarrija kontra l-Ispeaker. ONE News informat kif id-Deputat Nazzjonalisti ma kinux rawha u li nkitbet minn Karol Aquilina.
Deputat Nazzjonalista, li tkellem ma’ ONE News fuq il-kundizzjoni tal-anonimità, qal li “n-nies, speċjalment iż-żgħażagħ, jistennew stil ġdid ta’ politika, mhux dawn it-tattiċi aggressivi li żmienhom għadda u li jgerrxu lin-nies mill-politika … hemm bosta (deputati Nazzjonalisti) oħrajn li jaqblu ma’ dan, iżda ħadd mhu lest jiffaċċjah, għax dan sar akbar mill-Partit (Nazzjonalista) u Grech jibża’ minnu wkoll u joqgħod għal li jordnalna”.
Il-fattur Karol Aquilina fil-PN ilu snin twal jiddomina l-istess partit.
Fil-fatt kellu saħħa enormi waqt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Kien wieħed mill-perċimes ewlenin meta lil Adrian Delia qaċċtuh minn Kap u issa ħa kontroll assolut tal-PN taħt it-tmexxija dgħajfa ta’ Grech.