Tnieda l-programm tal-Għid f’Għawdex għal din is-sena, bl-attivitajiet għal żmien ir-Randan se jibdew fit-18 ta’ Marzu u jibqgħu sejrin sal-20 ta’ April, f’jum Ħadd il-Għid.
Dan il-programm ġie mniedi mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn ġie spjegat li ġie mħejji programm varjat, li jinkludi aktar minn 100 attività mifruxa madwar il-gżira Għawdxija, biex dan il-perjodu tal-Għid ikun esperjenza interessanti għal kulħadd.
Dan il-kalendarju ta’ attivitajiet jinkludi fost l-oħrajn purċissjonijiet, funzjonijiet sagri u wirjiet kulturali, li juru l-impenn tal-komunità Għawdxija biex tkompli tgħaddi l-valuri ta’ fidi u tradizzjoni lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza tal-Għid bħala parti mill-identità Għawdxija.
“L-Għid f’Għawdex huwa ċelebrazzjoni li tgħaqqadna bħala komunità u tfakkarna fil-valuri li jiddistingwuna. Huwa żmien fejn flimkien niċċelebraw il-fidi tagħna, insaħħu t-tradizzjonijiet li writna u nħaddnu s-sbuħija tal-kultura tagħna. Nemmen li bil-programm li qed nippreżentaw se nerġgħu għal darb’oħra nkunu l-għażla naturali tal-Maltin li jżuruna u l-barranin li għal darb’oħra jagħżlu lil Għawdex f’dan iż-żmien.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Il-Ministru Camilleri temm billi stieden lil kulħadd sabiex jesperjenza dak kollu li Għawdex għandu x’joffri f’dan iż-żmien speċjali tas-sena.
