Ir-rapport akkademiku annwali, magħruf bħala Crimemalta Observatory, għall-2024 ikkonferma li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, bir-rata ta’ reati kriminali tinżel għal 30 reat għal kull elf persuna li tgħix fil-pajjiż.
Dan jirrifletti tnaqqis meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, l-2023, u tnaqqis aktar sostanzjali meta mqabbel ma’ għaxar snin qabel, meta dak iż-żmien ir-rata ta’ reati kriminali kienet ta’ 46 għal kull elf persuna.
Skont stimi preċedenti li kienu saru, ir-rata ta’ rapporti ta’ reati kriminali kienet mistennija li tilħaq il-25,000 rapport. Minflok, is-sena l-oħra, dawn ammontaw għal 16,662 każ, li wkoll ifisser tnaqqis ta’ 1% fuq l-2023.
Riżultat pożittiv ieħor li ħareġ minn dan ir-rapport hu li r-rata ta’ kriminalità f’Għawdex naqset bi 23% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, filwaqt li rreġistra l-inqas ammont ta’ serq fl-aħħar 20 sena, jiġifieri nofs dak li kien irreġistrat fl-2006 fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li r-rata ta’ omiċidji fl-2024 kienet ta’ 0.7 għal kull mitt elf persuna. Għaxar snin qabel, din kienet ta’ 1.7 għal kull mitt elf ruħ.
B’rabta ma’ serq, ir-rata baqgħet baxxa b’513-il każ, it-tieni l-inqas qatt irreġistrat.
Minkejja dan, iżda, kienet irreġistrata żieda fil-każi ta’ pickpocketing u serq f’żoni ta’ divertiment, bin-numru ta’ każi rrapportati fl-2024 kien ta’ 650 każ.
Każi ta’ reati kriminali fejn jinħarqu proprjetajiet komplew ikunu baxxi bl-istess xejra ta’ tliet snin qabel, biex is-sena li għaddiet, kienu rreġistrati 38 każ.
Min-naħa l-oħra, reġgħet kienet irreġistrata żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika, b’total ta’ 2,255 każ.
B’rabta ma’ frodi fid-dinja diġitali, fl-2024 kien hemm tnaqqis ta’ 18%.
Stqarrija tal-Gvern tenniet li dan ukoll jibni fuq ir-riżultat eċċellenti li ngħatat Malta f’rapport internazzjonali, fosthom dawk li fl-2023 poġġew l-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna mal-ewwel għaxra minn 142 pajjiż fl-indiċi globali tas-saltna tad-dritt.
Tali indiċi, imsejjaħ World Justice Project Global Rule of Law Index, jiġbor fih pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta’ Fuq.