L-Ewroparlamentari Malti, Thomas Bajada, appella għal dibattitu urġenti dwar pakkett finanzjarju li jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej f’każ ta’ kunflitt ġeopolitiku. Dan l-appell sar waqt id-diskors tiegħu fil-plenarja tat-Tlieta, 11 ta’ Marzu 2025, hekk kif il-Parlament Ewropew iddiskuta l-futur tad-difiża tal-UE.
Bajada saħaq li, filwaqt li l-UE qed tagħti prijorità lill-militarizzazzjoni, jeħtieġ li tingħata l-istess attenzjoni lill-paċi u l-istabbiltà ekonomika. “Irridu l-paċi, jew li titkompla l-gwerra?” staqsa lill-kollegi tiegħu. Huwa wissa kontra ekonomija mmexxija mill-kunflitti militari, minflok waħda mibnija fuq il-benesseri soċjali. “Bħala Soċjalist u rappreżentant minn Stat Membru newtrali, inkwetat li mis-suq uniku Ewropew nistgħu ninbidlu għal wieħed ta’ munizzjon u armamenti,” qal b’ton determinat.
Filwaqt li rrikonoxxa t-theddid għas-sigurtà tal-Ewropa, Bajada saħaq li l-investiment fis-setturi soċjali bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni m’għandux jiġi mwarrab favur espansjoni militari-industrijali. Huwa wissa wkoll dwar il-perikli ta’ gwerra kummerċjali li tista’ twassal għal inflazzjoni u instabbiltà ekonomika, li tolqot lill-familji u n-negozji. Bajada insista li l-Ewropa trid tkun ippreparata għal din il-possibbiltà b’miżuri ta’ protezzjoni finanzjarja.
“Ma nistgħux inkunu lesti biss għal theddid militari, iżda rridu nikkunsidraw ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi,” enfasizza Bajada. “Din mhix biss kwistjoni ta’ armi, imma wkoll ta’ inflazzjoni u għoli tal-ħajja.”
Bajada temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ċar: “Ejjew nibnu ekonomija Ewropea mibnija fuq il-benesseri, mhux fuq il-gwerra; fuq it-tama u l-paċi, mhux fuq il-qerda.”